Latest News
Bad Boy Cleaners 1024x200

Segretarju Ġenerali

Imwieled f’Marzu tal-1968, Josef Bugeja huwa t-tmien Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union.

 

Beda l-impjieg tiegħu bħala machine operator mal-kumpanija SGS u mbagħad mar jaħdem mad-Dipartiment tal-Posta bħala operatur tal-posta,  huwa kompla jimxi f’dan il-qasam meta kien appuntat bħala Amministratur u aktar tard bħala Counter Administrator. Bugeja beda l-karriera trejdunjonistika tiegħu bħala membru tal-GWU ftit wara li beda jaħdem mal-SGS u kien shop steward u rappreżentant tal-ħaddiema tal-Fergħa tal-Posta ta’ Ħal Qormi. Fis-sena 2003 serva bħala Junior Secretary u kien assenjat biex jassisti fit-tmexxija tat-Taqsima tal-Gvern u Entitajiet Pubbliċi, hemm kien jirrappreżenta lill-impjegati kemm fis-Servizz Pubbliku kif ukoll fis-Settur Pubbliku, kien involut fin-negozjati tal-Ftehim Kollettiv tal-Uffiċjali Pubbliċi kif ukoll f’diversi Ftehimiet Settorjali oħra għall-impjegati pubbliċi. Matul dan iż-żmien, huwa ddefenda wkoll l-interessi ta’ għadd ta’ ħaddiema quddiem il-Bordijiet tad-Dixxiplina, minbarra li kien iħarreġ lil diversi shop stewards fil-ħiliet bħala rappreżentanti tal-ħaddiema.

 

 

 

Fl-2005 huwa ġie magħżul mill-Kunsill Nazzjonali tal-GWU biex iservi fit-Taqsima tal-Ospitalità u Ikel, u wara ġie elett bħala Segretarju tal-istess taqsima fejn okkupa din il-kariga sal-2011 imbagħad inħatar Segretarju tat-Taqsima tal-Gvern u Entitajiet Pubbliċi għas-sentejn ta’ wara. F’Jannar tal-2014 ġie vvutat bħala Deputat Segretarju Ġenerali, it-tieni l-ogħla kariga tal-Union waqt sezzjoni straordinarja tal-Konferenza Nazzjonali tad-Delegati. 

 

F’Settembru tal-2014 inħatar bħala Segretarju Ġenerali (Designate). Kien fit-8 ta’ Ottubru tal-2015 meta waqt il-Konferenza Nazzjonali tal-GWU, li Josef Bugeja kien ikkonfermat bħala Segretarju Ġenerali.Fil-preżent Josef Bugeja jirrapreżenta lill-GWU f’diversi istituzzjonijiet nazzjonali fosthom iċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol tal-Università ta’ Malta, il-Bord dwar ir-Relazzjonijiet tal-Impjiegi, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ u l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani. Huwa għandu Bachelors’ Degree fil-Works and Human Resources, Diploma in Social Policy u Labour Studies kif ukoll Advanced International Diploma fil-Business Management.

Enemed 1024x200