Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Flimkien niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Immigranti

F’dawn l-aħħar snin, il-kunflitti, il-gwerer, in-nuqqas ta’ sigurtà, u l-effetti tat-tibdil fil-klima, ikkontribew bil-kbir biex miljuni ta’ nies ġew sfurzati jiċċaqalqu minn darhom u pajjiżhom. Meta qed nitkellmu fuq immigranti qed nitkellmu fuq refuġjati u ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi. Apparti l-obbligu internazzjonali li għandu pajjiżna, il-ħaddiema barranin huma meħtieġa biex isostnu t-tkabbir ekonomiku u għas-suċċess tal-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna.

Kull sena bħal-lum, 18 ta’ Diċembru, id-dinja tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Immigranti, jum li fih jiġi rikonoxxut il-kontribut importanti tal-immigranti filwaqt li jiġu enfasizzati l-isfidi li jiffaċċjaw. L-immigranti u l-ħaddiema barranin jirrappreżentaw uħud mill-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati fis-soċjetà. Ħafna drabi huma esposti għall-abbuż u l-isfruttament, għandhom aċċess limitat għal servizzi essenzjali, u jiffaċċjaw attakki ksenofobiċi u stigma kawża ta’ nuqqas ta’ għarfien u ta’ politika populista li tpinġi l-ħhaddiema barranin bħala xi piż fuq is-soċjetà Maltija .

Il-fatt li influssi ta’ ħaddiema jiċċaqalqu minn pajjiżhom għal pajjiż ieħor biex ifittxu xogħol mhux fenomenu ġdid. Il-globalizzazzjoni fiha ħafna aspetti fosthom il-migrazzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi żviluppati, biex issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku. 

F’ħafna pajjiżi, fosthom hawn Malta mas-snin rajna influss qawwi ta’ barranin ġejjin jaħdmu f’pajjiżna. Uħud jifhmu li dawn il-ħaddiema barranin qed ikunu ta’ sostenn biex iżommu l-ekonomija għaddeja, filwaqt li oħrajn jarawhom ta’ xkil, żejda, li qegħdin hawn biex ifixklu biss. Dan ir-raġunament huwa wieħed deplorabbli u tal-mistħija. Bħala GWU dejjem rajna l-interess tal-ħaddiem, ġej minn fejn ġej. Ma nagħmlux distinzjoni fuq il-kulur tal-ġilda, razza, twemmin u ġeneru. Nemmnu li kulħadd ugwali. 

Hija realtà li l-ħaddiema barranin qed jiffurmaw proporzjon daqstant kbir ta’ ħaddiema f’pajjiżna u għalhekk huwa importanti li jkun hemm aktar integrazzjoni ma’ dawn in-nies li qed jagħmlu tranżizzjoni minn pajjiżhom għal pajjiżna.

Diġà se jkollhom jegħlbu firxa ta’ sfidi meta jiġu jgħixu f’pajjiż ġdid, fosthom ostakli lingwistiċi, familjarità mal-lokalità ġdida tagħhom, kif ukoll għarfien tas-sistemi varji ta’ pajjiżna (eż., kura tas-saħħa, kultura, edukazzjoni, impjieg, eċċ.). Dawn it-tipi ta’ sfidi huma pjuttost normali u jistgħu jkunu mistennija meta jidħlu f’ambjent ġdid, iżda ostakli oħra, bħall-esklużjoni soċjali, m’għandhomx jikkostitwixxu ostaklu addizzjonali għall-immigranti. Sabiex dan jiġi indirizzat, jeħtieġ li jkun hemm enfasi fuq l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

L-inklużjoni soċjali tfisser li niżguraw li t-tfal u l-adulti kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw bħala membri stmati, rispettati u li jikkontribwixxu għas-soċjetà.

Dawn il-ħaddiema  qed ikunu ta’ ħtieġa ta’ mili ta’ postijiet partikolari li jitolbu ċerti ħiliet u għarfien, iżda wkoll qed jagħmlu tajjeb  għan- nuqqas kbir ta’ ħaddiema li qed jesperjenza pajjiżna u l-Ewropa. Irridu nqisu li matul is-snin il-popolazzjoni tagħna qed dejjem tonqos. 

Infatti nisimgħu b’ħafna każi ta’ ħaddiema barranin abbużati,  li jaħdmu f’kundizzjonijiet inferjuri, ikunu trattati ħażin minn min iħaddem , jingħataw wegħdiet foloz f’termini ta’ pagi u tip ta’ mpjieg. Jeħtieġ li dan jinqata’ kollu. Dawn in-nies jibqgħu jbatu fis-skiet u s-silenzju għax jibżgħu li jitkeċċew.  

Irridu nirrealizzaw li dawn in-nies għandhom id-drittijiet bħalna, huma ugwali bħalna u għalhekk għandhom jiġu trattati bħalna. Kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-komunitajiet fejn jgħixu.  

Il-gvern Malti irrikonoxxa li kien hawn problemi ta’ abbużi fejn jidħlu l-ħaddiema barranin u għalhekk għadu kemm fassal regoli ġodda għall-aġenziji ta’ reklutaġġ li mistennija jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla. Din il-liġi l-ġdida se tara li f’dan is-settur jinqata’ l-abbuż tal-ħaddiema. B’hekk il-ħaddiema kollha li jaħdmu mal-kuntrattur se jingħataw id-diċenza u tisħiħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Iżda huwa importanti li min-naħa tagħna l-inklużjoni soċjali testendi lil hinn mis-sempliċi introduzzjoni ta’ ħaddiema barranin fuq il-post tax-xogħol. Irridu negħlbu d-distanza fiżika, kulturali, soċjali u psikoloġika li tkun qed tifridna. Għall-ħaddiema immigranti, l-inklużjoni soċjali tinvolvi l-eliminiazzjoni tal-ostakli bħad- diskriminazzjoni,  li jwasslu għall-esklużjoni fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-ħajja.

L-immigranti għandhom iħossuhom siguri u rispettati kemm fuq il-post ta’ xogħol kif ukoll fejn jgħixu. 

Dawn il-fatturi kollha huma, ovvjament, kritiċi fi kwalunkwe post tax-xogħol u għall-impjegati kollha, iżda jistgħu jkunu sfida li tista’ tinkiseb. Min iħaddem u l-impjegati għandhom jitgħallmu jkunu aktar sensittivi mil-lat kulturali u jifhmu l-ħafna sfidi interkulturali li jistgħu jesperjenzaw l-immigranti.

Huwa importanti li niftakru li lkoll nistgħu nagħtu sehemna biex il-post tax-xogħol isir ambjent inklussiv li jrawwem it-tkabbir u s-suċċess għal kulħadd, inklużi l-ħaddiema barranin. 

Jeħtieġ li naħdmu biex l-immigrazzjoni tkun ibbażata fuq ir-rispett u naraw li dawn il-ħaddiema jingħataw id-drittijiet kollha li tipprovdi l-liġi u l-ftehim kollettiv. Li jkollhom opportunitajiet għal xogħol deċenti u aċċess effettiv għad-drittijiet kollha tagħhom. Drittijiet li jkunu diskussi u implimentati permezz ta’ djalogu soċjali. Huwa għalhekk li l-GWU fil-Baġit ipproponiet  biex dawk il-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li daħlu b’mod legali u spiċċaw illegalment f’pajjiżna jingħataw iċ-ċans li tiġi regolarizzata l-pożizzjoni tagħhom.

Huwa għalhekk ukoll li matul din is-sena l-GWU ħadmet biex daħlet il-leġiżlazzjoni dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma u taqbel mal-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-aġenziji tax-xogħol biex l-abbuż li qed isir jinqata’ darba għal dejjem. Huwa għalhekk ukoll li l-GWU qed taħdem biex jidħol il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur.