Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Professjonisti, Finanzi u Servizzi, Taqsimiet

Infermieri membri fil-GWU jappellaw għall-użu tal-maskri f’postijiet pubbliċi

Is-sezzjoni tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU), f’isem l-infermiera tal-Emerġenza, tikkumplimenta lill-organizzaturi u entitajiet privati li kkanċellaw kompletament l-avvenimenti tagħhom minn jeddhom wara żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 li ġew reġistrati f’dawn l-aħħar jiem. It-Taqsima tilqa’ ukoll il-ftehim milħuq fl-MCESD bejn is-sħab soċjali u l-Gvern biex jiġi aktar ikkontrollat dan il-virus.

It-Taqsima tgħid li għalkemm ir-restrizzjonijiet fuq avvenimenti tal-massa implimentati mil-gvern inaqqsu r-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19, ma jneħħuhx kompletament. “Dan ir-riskju jimmultiplika f’avvenimenti u stabilimenti li joffru alkoħol u jniżżlu l-effiċjenza tar-restrizzjonijiet għal livell negliġibbli. Għaldaqstant huwa ferm meħtieġ is-sorveljanza u infurzar tal-miżuri dwar id-distanza soċjali u l-użu tal-maskli.”  

It-Taqsima tispjega li fl-eventwalità li dawn l-infermiera jiġu infettati waqt li jkunu qegħdin jassistu f’dawn l-avvenimenti, jigi kompromess l-unika dipartiment tal-Emerġenza f’Malta flimkien mas-saħħa tal-pazjenti li jiġu kkurati fih. Għaldaqstant, il-GWU tittama li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom u jimplimentaw aktar miżuri biex il-ħaddiema jkunu protetti fuq il-post tax-xogħol, biex ikunu f’pożizzjoni li jgħinu lill-pazjenti tagħhom.

Wara l-aħħar żvilluppi u żieda fil-każijiet tal-COVID 19, il-GWU flimkien mal-membri tagħha jħeġġu biex kulħadd jilbes il-maskri f’postijiet pubbliċi kif ħeġġet is-Supretendent tas-Saħħa ħalli b’hekk jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-virus.  “Kulħadd għandu jkun responsabbli u jikkopera ħalli ma jiżdiedux każijiet għalxejn, u l-ħidma ta’ dawn l-infermiera tkun tista tibqa’ għaddejja.”

Fil-ġranet li ġejjin, is-Segretarju tat-taqsima, is-Sinjura Riccarda Darmanin se tkun qed tidħol f’diskussjonijiet mal-management tal-Isptar Mater Dei fuq is-sitwazjoni preżenti ta’ dawn l-infermiera ġewwa l-Emerġenza ta’ Malta biex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-membri tagħha.