Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika

Il-GWU bi proposta biex il-ħaddiema tal-banek jingħataw prijorità ghat-tilqima kontra l-Covid-19

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU avviċinat lill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera dwar il-membri tagħha illi jaħdmu fil-banek madwar Malta u Għawdex dwar il-possibilità illi jitlaqqmu qabel kontra l-Covid-19.

Dawn il-ħaddiema jiltaqgħu man-nies kontinwament. Ix-xogħol tagħhom ipoġġihom f’periklu kemm għalihom u anke għall-familjari tagħhom illi jistgħu anke jkunu vulnerabbli. Minħabba f’hekk il-GWU ressqet proposta li għandhom jitqiesu bħala frontliners ukoll u għandhom jingħataw prijorità għall-vaċċin kontra l-Covid-19.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera jaqbel mal-proposta tal-GWU qal illi jeħtieġ li jressaq din it-talba mal-Bord sabiex tkun tista’ formalment tinġieb l-approvazzjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-GWU tifhem perfettament li kulħadd jixtieq li jkun minn tal-ewwel biex jitlaqqam kontra l-Covid-19 però bħala Union tal-Ħaddiema huwa d-dmir tagħna illi naraw x’inhu l-aħjar għall-membri tagħna bħalma dejjem għamilna sa mill-bidu.