Written by Ahbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ir-rappreżentanti tal-LESA fi ħdan il-GWU jiltaqgħu mal-Ministru Byron Camilleri

Fis-16 ta’ Marzu, saret laqgħa bejn il-General Workers’ Union (GWU) flimkien mar-rappreżentanti tagħha fl-aġenzija LESA u l-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri. 

Fil-laqgħa r-rappreżentanti ressqu lilment tal-ħaddiema dwar id-dewmien biex jiġu konklużi n-negozjati tal-ftehim kollettiv. Il-Ministru Camilleri tenna li l-aħħar snin juru li din l-amministrazzjoni qatt ma qagħdet lura milli ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-gvern u tal-entitajiet governattivi. Minn wara l-elezzjoni tal-2017 ‘l hawn, ġew konklużi u qed jiġu gawduti mill-ħaddiema involuti 67 ftehim kollettiv u 42 ftehim settorali. B’kollox, 109 ftehim kollettiv f’leġislatura waħda.

Malli tgħaddi l-elezzjoni jitkomplew in-negozjati bl-għan li jiġu konklużi fl-iqsar żmien 40 ftehim ieħor, fosthom tal-LESA. Dan kollu barra l-ftehim kollettiv ġenerali għall-ħaddiema kollha tal-gvern li ġie ffirmat qabel l-elezzjoni tal-2017 u li kien jorbot għal tmien snin, li jfisser li l-ħaddiema kollha tal-gvern għadhom qed igawdu kull sena u kull salarju minn dan il-ftehim kollettiv ġenerali wkoll.