Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tingħaqad bħala sieħeb ewlieni fil-proġett imsejjaħ GREENET

Proġett ta’ €400,000 għal djalogu soċjo-ekoloġiku fit-tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġust u soċjalment responsabbli

Qed jiġi kkalkulat li bil-mira klimatika tal-2030 tal-Unjoni Ewropea (it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990) id-dinja tista’ tara telf ta’ 494,000 impjieg jew żieda ta’ 110,000 impjieg skont il-policies marbutin magħha.

Għalhekk il-General Workers’ Union issieħbet fil-proġett ‘GREENET’ bħala sieħeb ewlieni hekk kif taqbel mal-idea ta’ dan il-proġett li jemmen bis-sħiħ fuq Ewropa Soċjali għal Tranżizzjonijiet Ġusti u l-Patt Ekoloġiku Ewropej fid-dawl tas-sitwazzjonijiet attwali u antiċipati li jaffettwaw is-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa.

“Il-mira ta’ dan il-proġett huma s-setturi tal-industrija, l-enerġija u t-trasport bil-għan li jiġu appoġġjati l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew u nazzjonali biex jippromwovu djalogu soċjo-ekoloġiku biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġust u soċjalment responsabbli,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bodin, li hu wkoll responsabbli mill-proġett.

L-imsieħba tal-proġett, kemm trejdjunjins kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem minn Malta, il-Polonja, Slovakkja, Spanja, Portugall, Maċedonja ta’ Fuq, Serbja, Turkija, Bulgarija, Estonja u Litwanja bil-parteċipazzjoni ta’ ETIC, IndustriALL u Business Europe inġabru sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali transettorjali fis-setturi tal-industrija, l-enerġija u t-trasport u jkollhom impatt fuq id-djalogu soċjali Ewropew.

B’hekk jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għan-newtralità tal-karbonju fl-Unjoni Ewropea taħt ir-riskju li nħoloq għas-sigurtà tal-enerġija minħabba l-gwerra u l-pandemija COVID-19, tkun soċjalment ġusta u affordabbli għaċ-ċittadini u l-ħaddiema Ewropej kollha.

Huwa spjega li sabiex tilħaq dan l-għan, GREENET se tirrealizza riċerka transnazzjonali f’10 pajjiżi, taħriġ, laqgħat konsultattivi u workshops nazzjonali bl-appoġġ tal-Istitut tal-Affarijiet Pubbliċi li se jħejji wkoll linji gwida għal min iħaddem u t-trejdjunjins u rapporti dwar ix-xejriet. Il-proġett GREENET huwa konformi mat-13-il proposta leġiżlattiva li għandhom l-għan li jallinjaw il-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija mal-miri klimatiċi ġodda stabbiliti mil-Liġi dwar il-Klima adottata reċentement u n-newtralità klimatika sal-2050.

GREENET jittratta wkoll il-ħsieb mill-ġdid u t-twaqqif tal-miżuri ta’ djalogu soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni ta’ REPowerEU u politiki oħra ta’ Green New Deal.