Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Abela jserraħ moħħ il-GWU… Jgħid li l-mekkaniżmu tal-COLA mhux se jinbidel

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) għall-baġit tas-sena d-dieħla se jkun “sostanzjalment aktar” mis-snin preċedenti filwaqt li dan l-istess mekkaniżmu se jibqa’ fis-seħħ.

Intervistat fuq One ​​Radio s-Sibt filgħodu Abela qal li l-Baġit tal-2023 se jkun ibbażat fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà u s-sostenibbiltà.

Il-Prim Ministru qal li huwa essenzjali li l-Gvern jintervjeni u jgħin. “Iċ-ċansijiet huma li mingħajr xibka ta’ sigurtà soċjali, dawk li l-aktar kienu miżmuma lura jieħdu ħafna aktar żmien biex jirkupraw,” qal Abela. Huwa rringrazzja lill-imsieħba soċjali għar-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-baġit li jmiss, u qal li wrew maturità u responsabbiltà kbira, u rrikonoxxa l-isfidi internazzjonali attwali.

Matul il-ġimgħa li għaddiet saru numru ta’ proposti minn entitajiet u għaqdiet differenti, fosthom mill-Kamra tal-kummerċ illi pproponiet li f’każi fejn il-ħaddiema li bejn Jannar li għadda u Jannar li ġej – kemm jekk bi ftehim kollettiv jew inkella permezz ta’ żidiet fil-paga permezz ta’ ftehim kollettiv li kien sar qabel  – raw il-paga tiżdied min iħaddimhom ma jkunx obbligat illi jagħti ż-żieda tal-COLA. Dan il-Kamra tal-Kummerċ qalitu hekk kif esprimiet tħassib li żieda qawwija fil-COLA – kif fil-fatt hija mistennija fil-Baġit li ġej sforz rati rekord ta’ inflazzjoni – tista’ twassal għal inflazzjoni kkawżata minn żieda fil-pagi, li tgħid illi l-pajjiż imbagħad isib diffikultà biex joħroġ minnha. Il-COLA għas-sentejn ta’ qabel kienet ta’ €1.75.

F’risposta għal dan, il-General Workers’ Union (GWU) qalet li  mhux se taċċetta l-ebda tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA . “Meta l-ħaddiem ingħata ftit ċenteżmi skont il-mekkaniżmu, din ġiet aċċettata … allura issa li ġejja għolja, ma tistax tintmess lanqas,” insistiet l-GWU.

Il-ftehim tal-COLA li kien daħal fis-seħħ fl-1990 kien maqbul bejn l-isħab soċjali kollha – min iħaddem, trejd unjins u Gvern. Kien għalhekk li l-GWU spjegat li matul dawn l-aħħar 32 sena, il-ftehim qatt ma nbidel, u jekk iseħħ dak li qed jiġi propost minn min iħaddem ikun qed isir ksur tal-liġi. 

Intant, Abela insista li l-mekkaniżmu tal-COLA, kif miftiehem mal-imsieħba soċjali, mhux se jiġi modifikat anke meta l-ammont se jkun sostanzjalment aktar mis-snin ta’ qabel. 

Iż-żieda fil-pagi titħabbar waqt il-baġit iżda lIndiċi talPrezzijiet blImnut (RPI) qed jissuġġerixxi li din tista’ tkun madwar €10 fil-ġimgħa minn Jannar li ġej.

Artiklu meħud mill-ILLUM