Written by Aħbarijiet, Bla Kategorija, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jisħaq li l-kreattività u l-innovazzjoni huma essenzjali

“Elementi importanti għal tkabbir u evoluzzjoni f’dinja ta’ xogħol’’

Il-21 ta’ April huwa l-Jum Internazzjonali tal-Kreattività u l-Innovazzjoni li l-għan tagħha huwa li jiżdied l-għarfien dwar l-importanza u r-rwol tal-kreattività u l-innovazzjoni fl-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-bniedem. Din hija wkoll ġurnata li fiha n-nies huma mħeġġa jaħsbu b’mod kreattiv biex noħolqu dinja aħjar bi tkabbir tal-ekonomiji u impjiegi ġodda, kif ukoll jinħolqu opportunitajiet għal kulħadd li jwasslu għal soluzzjonijiet ta’ problemi soċjali bħall-faqar u l-ġuħ.

Mill-2002 il-Jum Internazzjonali tal-Kreattività u l-Innovazzjoni beda jiġi ċċelebrat minn intraprendituri, organizzazzjonijiet u komunitajiet f’aktar minn 46 pajjiż madwar id-dinja. F’din l-okkażjoni jsiru avvenimenti u attivitajiet relatati fosthom workshops, laqgħat, lectures u taħditiet online fost imħuħ kreattivi minn kull parti tad-dinja. Biex nagħtu eżempju tal-frott ta’ inizjattivi bħal dawn, fost ideat li ħarġu hemm dawk ta’ dgħajjes maħduma minn plastik reċiklat u tqassim ta’ tilqim f’inħawi remoti bi drones.

Dan is-sit ħa tliet angoli differenti dwar dan il-jum – il-lat trejdunjonistiku, dakgovernattiv, kif ukoll il-lat edukattiv. Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja beda biex qal li, “l-kreattività u l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol saret xi ħaġa essenzjali u importanti għal tkabbir u evoluzzjoni f’dinja ta’ xoghol. Illum il-kumpaniji joperaw b’mod kompetittiv ħafna f’suq globali. Il-kreattività u l-innovazzjoni jagħmlu distinzzjoni bejn post tax-xogħol u ieħor. Forsi ħafna jistaqsu x’jagħmlu dawn iż-żewġ elementi għall-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tax-xogħol – Hija l-kreattività li żżomm l-impjegat motivat u involut u l-post tax-xogħol miexi ‘l quddiem b’ideat ġodda u innovattivi. Dan jinkludi mhux biss prodotti jew servizzi ġodda, iżda wkoll proċessi, effiċjenza u produttività”.

Bugeja spjega li biex tkun kreattiv fuq ix-xogħol b’mod ġenerali, jeħtieġ element ta’ riskju li jista’ jġiegħel lil xi nies joqogħdu lura minħabba biżgħa ta’ falliment. “Iżda, jekk ma tieħux xi ftit ta’ riskju f’negozju, dan iwassal għal staġnar. Anke l-mod kif naħdmu aħna bħall-Union inbidel u qegħdin inkun aktar kreattivi u innovattivi. Kull settur ekonomiku qiegħed jinbidel u dawn iż-żewġ elementi huma l-mutur wara dan it-tibdil,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

Ħaddiema jkunu aktar motivati u magħquda.

Bħala GWU jemmnu li l-kreattività fuq il-post tax-xogħol hija għal kulħadd, irrispettivament mill-pożizzjoni li taħdem fija. Bugeja żied jgħid li l-benefiċċji ewlenin tat-trawwim tal-kreattività u innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol jinkludu li l-ħaddiema jkunu aktar motivati u magħquda. 

“Il-kreattività tispira lill-impjegati biex jaħdmu flimkien. Il-proċess kreattiv jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn it-tmexxija u l-ħaddiema. L-innovazzjoni u l-kreattività fuq il-post tax-xogħol tinkoraġġixxi l-mentalità tat-tagħlim, taħriġ kontinwu matul il-ħajja, informazzjoni, għarfien u modi ġodda kif tagħmel l-affarijiet,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

It-tieni punt li ta huwa li meta l-kreattività tiġi mħeġġa, l-impjegati jkunu aktar kuntenti bl-impjieg tagħhom u huma jibqgħu aktar leali lejn il-kumpanija, mentri t-tielet punt huwa li l-kreattività żżid is-soluzzjonijiet tal-problemi li jkun hemm matul il-ġurntata ta’ xogħol. “Ħaddiema li kapaċi jaħsbu b’mod kreattiv huma aktar kapaċi li joħorġu b’soluzzjonijiet uniċi u innovattivi. Din il-motivazzjoni biex issolvi l-problemi tista’ twassal għal modi ġodda biex twettaq il-ħidma taghhom b’mod aktar effiċjenti.”

Josef Bugeja temm jgħid li l-kreattività u l-inovazzjoni huma ħiliet li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qegħdin jiġu apprezzati u jħallu impatt pożittiv fuq l-investiment u fuq il-post ta’ xogħol.