Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Ftehim Kollettivi, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-Bank of Valletta u l-GWU jiffirmaw ftehim kollettiv ġdid ta’ 3 snin

Il-Bank of Valletta u l-General Workers’ Union iffirmaw Ftehim Kollettiv ġdid li jkopri l-perjodu 2022 – 2024 fil-House of the Four Winds fil-Belt Valletta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Rick Hunkin, flimkien ma’ Dr Vanessa Borg, Ray Debattista, u Lawrence Schembri, iffirmaw il-Ftehim f’isem il-Bank. Riccarda Darmanin, is-Segretarja tat-Taqsima tal-GWU għat-taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, akkumpanjata mill-membri tal-Kumitat tal-Grupp għall-BOV, irrappreżentat lill-General Workers’ Union.

Il-Ftehim huwa l-frott ta’ negozjati estensivi li saru fuq perjodu ta’ xhur u fih bidliet sinifikanti milli kien hemm qabel. F’ambjent fejn il-kumplessità u r-regolamentazzjoni  qegħdin dejjem jiżdiedu, il-Bank u n-nies tiegħu jeħtieġ li jadattaw irwieħhom għall-futur u l-Bank u l-GWU ħadmu flimkien biex jipprovdu għal din id-dinja l-ġdida. Għaldaqstant, il-ftehim jinkludi bidliet sinifikanti fl-istrutturi ta’ ġestjoni fi ħdan il-Bank, u ħoloq organizzazzjoni aktar sempliċi fejn nistgħu nagħtu s-setgħa u nippremjaw
lin-nies tagħna għall-prestazzjonijiet tajbin. Il-ftehim jippermetti żieda sinifikanti fil-flessibbiltà fis-salarju u benefiċċji biex jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward ta’ innovazzjonijiet ġodda marbuta mal-benesseri tal-impjegati, il-Bank daħħal ukoll premjijiet ibbażati fuq is-soċjetà u l-ambjent li se jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-dawk l-impjegati b’salarju inqas filwaqt li jikkontribwixxu għall-impenn ESG tal-Bank.

Ta’ importanza kbira, u wkoll għall-ewwel darba għall-BOV, il-Bank daħħal skema ġdida ta’ pensjoni ta’ okkupazzjoni volontarja li se tkun disponibbli għall-impjegati kollha fil-ġimgħat li ġejjin. Din l-iskema tipprovdi għal kontribuzzjonijiet diretti mill-Bank fil-pensjoni personali tal-impjegati, sabiex issostni l-futur fit-tul tal-kollegi.

Is-Sur Hunkin stqarr, “Dan il-ftehim ifittex li jfassal il-vjaġġ tal-Bank fi żminijiet dejjem aktar kumplessi filwaqt li jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tal-kollegi tagħna. Dan se jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, u jien fiduċjuż li dan il-ftehim li qed niffirmaw illum se jkun ta’ appoġġ dejjem akbar, b’opportunitajiet aħjar u l-ħila li niżviluppaw u nikbru f’konformità man-negozju tagħna.”

Bħala parti ewlenija mit-tim tal-BOV li qed imexxi dan ix-xogħol, Dr Vanessa Borg ikkummentat: “L-inizjattivi dwar ir-riżorsi umani tagħna huma ffukati li jagħmlu l-Bank “sieħeb innovattiv li jrawwem is-suċċess, it-tkabbir tal-impjegati u l-benesseri. Nemmen bis-sħiħ li dan il-ftehim jorbot sewwa mal-Istrateġija tagħna dwar in-Nies u l-Bidla u jservi bħala pjattaforma soda li tappoġġja dawn l-istess inizjattivi. Ninsabu kuntenti ħafna li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, qegħedna s-sisien għal benefiċċji aħjar għall-kollegi tagħna bbażati fuq opportunitajiet ta’ karriera aktar simplifikati iżda flessibbli.”

Dr Gordon Cordina, iċ-Chairman tal-Bank of Valletta kien involut direttament sabiex jissawru metodi ġodda u innovattivi ta’ appoġġ lin-nies tagħna bħala parti minn ambizzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Huwa kkummenta li “permezz ta’ approċċ kollaborattiv, il-Bank u l-Unjoni ħolqu qafas fejn l-impenn tan-nies tagħna qed jiġi rikonoxxut kif xieraq, filwaqt li l-produttività tagħhom se tkompli ssostni t-tkabbir tan-negozju u l-iżvilupp personali.

Is-Segretarja tat-Taqsima, Riccarda Darmanin iddeskriviet dan il-ftehim bħala kisba importanti li tkompli tibni fuq kundizzjonijiet tax-xogħol sodi fuq ftehimiet tal-passat. “Irnexxielna ninnegozjaw dan il-ftehim fi żminijiet bla preċedent. L-impjegati tal-BOV ilhom jistinkaw f’perjodu ta’ bidliet kontinwi, miġjuba minn regolamenti ġodda, sistemi ġodda, minbarra komplew joffru s-servizzi matul il-pandemija, jistħoqqilhom li jiġu kkumpensati għal-lealtà tagħhom lejn il-Bank u lejn il-klijenti tiegħu. Għamilna wkoll ċert li l-impjegati kollha tal-Bank jingħataw opportunitajiet ta’ taħriġ u biex jimxu ´l quddiem fil-karriera tagħhom. Temmet billi rringrazzjat liċ-Chairman Dr Cordina, lill-Management tal-Bank u lill-kumitat tal-Grupp għall-appoġġ li ngħata waqt in-negozjati u tħares ´il quddiem li tkompli ssaħħaħ is-sħubija diġà b’saħħitha mal-Bank li jimpenja ruħu li jiggarantixxi sens ta’ ġustizzja u trasparenza fost l-impjegati.