Written by Aħbarijiet, Bla Kategorija, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-Ministru Jonathan Attard f’laqgħa mal-GWU

F’laqgħa li kellu lbieraħ mal-amministrazzjoni ċentrali tal-General Workers’ Union (GWU), il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ddikjara li jemmen fil-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni miftuħa fuq diversi oqsma. “Li jkun hemm djalogu għaddej, dak li jkun jista’ jieħu perspettivi differenti anke fit-tfassil tal-liġijiet. Għalhekk tajjeb li nżommu komunikazzjoni miftuħa,” qal il-Ministru Attard.

Huwa enfasizza wkoll fuq l-importanza li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex b’hekk jiġu attirati iżjed nies ta’ kwalità fl-oqsma tal-ġustizzja. 

Dwar is-saltna tad-dritt, il-Ministru Attard qal li bħala Gvern saru avvanzi u riformi kbar. “Hemm bżonn nikkomunikaw aħjar dwar ir-riformi li għamilna. Naħseb li għandna nkunu pro-attivi u fejn hemm bżonn jinbidlu l-affarijiet, jinbidlu u dan skont in-neċessitajiet u l-kultura ta’ pajjiżna. Bħala pajjiż kapaċi nieħdu deċiżjonijiet neċessarji,” tenna l-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja tkellem dwar l-importanza tad-djalogu soċjali anke fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). “Nemmnu ħafna bħala GWU fid-djalogu soċjali li kien kruċjali anke fi żmien ta’ pandemija. L-għan kien komuni ma’ kulħadd fl-MCESD,” tenna Bugeja. Huwa tkellem ukoll dwar ir-riformi favur is-saltna tad-dritt u l-FATF, u qal li l-Gvern irid jibqa’ juri x’passi qed jieħu f’dan ir-rigward.

Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Victor Carachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u s-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin. 

Sadanittant, fl-aħħar jiem, il-GWU ltaqgħet ukoll mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fejn ġew diskussi diversi temi ta’ interess li jolqtu b’mod partikolari lill-ħaddiema.