Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Baġit li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja permezz ta’ tkabbir u stabbilità

“Dan il-baġit se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja permezz tat-tkabbir u stabbilità. Baġit li qed jiffoka li jwieżen lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Biss biss hemm kważi nofs biljun ewro f’miżuri soċjali u dan fi sfond ta’ kriżi internazzjonali,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fl-ewwel reazzjoni tal-GWU wara l-Baġit 2024.

Żied jgħid li l-GWU qiegħda tħares lejn dan il-baġit bħala baġit ieħor li qiegħed jiffoka fuq it-tisħiħ tal-livell ta’ għajxien fosthom tal-ħaddiema u l-pensjonanti, filwaqt li jassigura t-tkabbir ekonomiku.

Il-GWU apprezzat ukoll il-fatt li filwaqt li l-Gvern qiegħed jintroduċi għadd ta’ miżuri ġodda u addizzjonali bla preċedent, id-dejn nazzjonali se jibqa’ taħt il-livelli mitluba mill-Unjoni Ewropea, mingħajr introduzzjoni ta’ taxxi ġodda.

L-aktar miżuri importanti…

Għall-GWU l-aktar miżuri importanti huma dawk li qiegħda tissaħħaħ il-paga minima nazzjonali fuq erba’ snin, iż-żieda fil-benefiċċji soċjali nkluż il-pensjoni kontributurja, dik tar-romol, iż-żieda fiċ-children’s allowance, iż-żieda fis-sussidju tal-kera, iż-żieda fl-In Work Benefit, it-tieni mekkaniżmu tal-COLA, l-allowance speċjali għal dawk li jkomplu l-edukazzjoni wara l-età obbligatorja, żieda oħra fil-bonus għat-twelid u adozzjoni u ż-żieda fil-benefiċċju tal-kera fost oħrajn.

Żgur li l-aqwa proposta li hemm fil-budget hija l-kontinwità ta’ sussidju fuq il-prezz tal-enerġija, fjuwil u ċereali. Dan is-sussidju huwa maħsub biex jipproteġi lill-konsumaturi u l-postijiet tax-xogħol billi jżommu l-prezzijiet baxxi u stabbli. Il-General Workers’ Union dejjem saħqet li dan huwa meħtieġ biex ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tibqa’ waħda mgħaġġla. L-aħħar statistika dwar l-inflazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li l-ilma, l-elettriku, il-gass u l-fjuwils mhux qegħdin jikkontribwixxu għaż-żieda fl-inflazzjoni. L-ogħla rata ta’ inflazzjoni hija fuq l-ikel.

“Nemmnu li biex nibqgħu nipproteġu l-postijiet tax-xogħol u l-familji tagħna din hija miżura meħtieġa. Din il-miżura, filwaqt li tiswa ħafna flus, hija fundamentali biex jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku u tiġi miġġielda aktar l-inflazzjoni. Mingħajr dan is-sussidju l-ispiża ta’ kull familja titla’ mal-€2000,” saħaq Josef Bugeja.

Proposti li ressqet il-GWU

Proposta oħra li ressqet il-GWU kienet dik biex tiġi indirizzata l-anomalija li nħolqot fl-aħħar riforma tal-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara. Matul dawn l-aħħar sentejn l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU għamlet preżentazzjonijiet mal-Ministru konċernat. B’sodisfazzjon għalina din il-problema se tiġi indirizzata.

Bugeja żied jgħid li proposta oħra li tkellmu fuqha kienet li tiġi estiża estendu l-eliġibilità tat-tieni mekkaniżmu tal-COLA biex jilħaq aktar familji. Il-GWU ħadet sehem fil-konsultazzjoni dwar dan it-tiġdid u fil-fatt in-numru ta’ familji eliġibbli kważi se jirdoppja għal 95,000 familja. Il-prinċipju se jibqa’ li l-benefiċċju jingħata lil dawk li jkollhom dħul li ma jaqbiżx id-dħul medjan Nazzjonali.

Proposta oħra li l-GWU ilha tisħaq fuqha hija l-ħlas tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Il-GWU dejjem saħqat li l-ħlas tal-ħaddiema għandu jkun skont il-valur ta’ xogħol li jagħmlu. Matul dawn l-aħħar xhur il-GWU kienet f’diskussjonijiet biex jiġu rregolati dawk li jissejħu outsourcing u temping agencies. Bħala parti minn din il-miżura, dawn l-aġenziji li jġibu ħaddiema minn pajjiżi terzi u dawk li jħaddmu dawn il-ħaddiema se jiġu separati.

“Żgur l-akbar rebħa hija li dawn il-ħaddiema ta’ dawn l-aġenziji li jkunu jaħdmu ma’ negozji oħrajn, se jitħallsu daqs il-ħaddiema l-oħrajn li jagħmlu l-istess xogħol li jkunu ngaġġati mal-istess negozji abbażi ta’ paga bażika u bonuses statutorji, fost l-oħrajn.”

Proposta oħra mill-GWU fil-budget kienet li kull ħaddiem ikollu l-opportunità biex jinvesti fi skema ta’ pensjoni privata li meta jirtira tgħinu jissupplimenta d-dħul mill-pensjoni tal-istat. Din hija proposta li l-GWU ilha taħdem fuqha mas-sħab soċjali l-oħra, kif ukoll ma’ esperti fis-settur. Il-proposta tal-GWU apparti l-ħaddiem tinkludi wkoll lil min iħaddem biex dan joffri l-opportunita tal-iskema lill-ħaddiema tiegħu biex ikun aktar faċli għalihom li jinvestu.

“Fl-aħħar snin daħlu diversi inċentivi fiskali kemm għall-ħaddiema u kemm għal min iħaddem biex l-ammonti li dawn jinvestu fi skemi ta’ pensjoni privata ma jkunux intaxxati. Bħala GWU nemmnu li rridu naslu fi stat fejn kull ħaddiem jidħol awtomatikament fi skema ta’ pensjoni privata għalkemm jibqa’ jkollu l-għażla li joħroġ minnha b’mod volontarju,” kompla s-Segretarju Ġenerali.

Min-naħa tiegħu Bugeja qal li l-GWU lesta tibda diskussjoni mal-Gvern u mas-sħab soċjali l-oħra fuq din il-materja. Proposta oħra li għamlet il-GWU u li ġiet milqugħa hija li l-pensjoni tat-Teżor tal-uffiċjali tal-Forzi Dixxiplinati kollha tiżdied bil-COLA kull sena mill-2024.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li jilqa’ b’pożittività li l-Gvern laqa’ ħafna mill-proposti li ressqet il-GWU fuq il-kwalità tal-ħajja, biex ikollna soċjetà ġusta, ambjent aħjar, opportunità għaż-żgħzżagħ li jkunu sidien ta’ djarhom, investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema u investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż u dan mingħajr l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda.