Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ma rridux li l-Malta Freeport Terminal jiġi affettwat ħażin bil-miżuri dwar it-tibdil fil-klima li se twettaq l-UE

It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union tinsab imħassba fuq l-implimentazzjoni tal-Emission Trading System (ETS) fuq it-trasport marittimu fil-portijiet tal-UE, fosthom Malta.

L-Ewropa impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’minimu ta’ 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030, kif deskritt fl-inizjattiva “Fit for 55”, li hija parti mill-ħidma tal-UE biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Il-Malta Freeport Terminal huwa hub ta’ transhipment u jiddependi ħafna fuq ix-xogħol ta’ merkanzija f’kontejners li jaslu fuq vapuri kbar li jissejħu mother vessels. Dawn ibaħħru minn pajjiżi mbiegħda tal-lvant jew tal-punent, iħottu l-merkanzija f’Malta biex din il-merkanzija tinġabar minn vapuri iżgħar, li  jissejħu feeder vessels, lejn pajjiżi viċin tagħna. Din is-sistema tiffranka li l-vapuri l-kbar ħafna jagħmlu ħafna vjaġġi u waqfiet f’diversi portijiet, għaldaqstant tkun qed tnaqqas l-emissjonijiet billi tnaqqas l-użu ta’ fjuwil minn dawn il-vapuri kbar. Loġistika li tintuża ħafna u kullimkien, mhux biss għall-beneficċju tal-ambjent iżda wkoll għax fid-dinja tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar dan huwa l-aktar metodu effiċjenti.

Il-biża’ hija li ġaladarba jidħlu fis-seħħ il-miżuri tal-Emission Trading System (ETS), il-kumpaniji merkantili jistgħu jibdew ifittxu portijiet alternattivi għal dawk Ewropej biex iwettqu t-transhipment li preżentament qed iseħħ fl-Ewropa, fosthom f’pajjiżna. Dan mhux se jkun qed inaqqas mit-tniġġis fl-ambjent iżda se jkun qiegħed biss iżidu fil-pajjiżi terzi u jekk wieħed irid jasal biex inaqqas mit-tniġġis globalment għandhom jinagħtaw inċentivi dawk li jagħmlu minn kollox biex inaqqsu t-traġitti u d-dewmin fil-portijiet.

Il-hub ta’ Malta huwa popolari prinċiparjament għall-għajnuna ta’ tnaqqis fid-distanzi, produttivita u effiċjenza fil-ħinijiet tat-trasport.

It-Taqsima filwaqt li qed iżżomm ruħha aġġornata u qrib il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) tawgura li jitħarsu l-interessi ta’ pajjiżna u jittieħdu in konsiderazzjoni l-effetti negattivi fuq il-ħaddiema li jiddependu mit-transhipments billi jkunu proposti alternattivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Sadanittant waqt laqgħa speċjali tal-MCESD tqajjem dan il-punt mad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea mis-Segretarju Ġenerali. Kif ukoll dwar l-effett li jista’ jkollu dan il-ftehim mhux biss fuq il-Freeport imma wkoll fuq is-setturi tal-manifattura f’Malta.