Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Jitkomplew id-diskussjonijiet bejn il-GWU u l-Gvern dwar l-anomaliji fil-pensjonijiet

L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union flimkien mal-Għaqda Pensjonanti, fil-jiem li għaddew kellha laqgħa mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-pensjonanti li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1962.

“Fir-riforma tal-pensjonijiet li kienet saret fl-2007 kienet twettqet distinzjoni bejn dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara. Dan kien wassal biex inħolqu ilmenti li qed jitressqu għand l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU,” qal is-Segretarju Ġnerali tal-GWU, Josef Bugeja.

Huwa żied jgħid li f’dan il-kuntest, kienet inħasset il-ħtieġa li l-Għaqda Pensjonanti tiddiskuti din is-sitwazzjoni mal-Ministeru konċernat. Il-laqgħat fil-fatt bdew ftit taż-żmien ilu.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li jifhem il-pożizzjoni tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU u s-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn il-persuni. “Għalhekk qed nieħdu ħsieb li naħdmu fuqha, sabiex għal darba oħra nippruvaw nirranġaw anomaliji li ħoloq ħaddieħor”.