Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Iffirmat ftehim kollettiv bejn il-GWU u l-LESA

Il-General Workers’ Union għadha għaddejja bin-negozjati biex tikkonkludi diversi ftehimiet kollettivi f’setturi varji tal-ekonomija. Wieħed minn dawn kien dak li ġie ffirmat illum mal-aġenzija LESA, li permezz tiegħu se jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali tal-komunità.

Il-ftehim kollettiv, li jkopri l-perjodu 2021-2025, kien approvat minn 94% tal-ħaddiema membri tal-union waqt votazzjoni li saret ilbieraħ.

L-iffirmar f’isem il-GWU sar mis-Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella filwaqt li f’isem l-aġenzija LESA ffirma l-Kap Eżekuttiv Svetlick Flores. 

Preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li dan il-ftehim se jirrifletti r-responsabbiltà li dawn il-ħaddiema għandhom u kif ukoll dak li huwa mistenni minnhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. 

Huwa enfasizza fuq l-importanza li nkomplu ninvestu fil-ħaddiema mhux biss fit-taħriġ tagħhom imma wkoll biex dawn jingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. 

“Filwaqt li llum qed niċċelebraw tragward ġdid għal dawn il-ħaddiema, bħala Gvern nitolbu minnhom li jagħtu servizz aħjar liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin billi jagħmlu x-xogħol tagħhom bl-aħjar mod possibbli,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores iddeskriva dan il-ftehim bħala pass importanti ieħor favur il-ħaddiema. “Dan il-ftehim fih valur mhux biss finanzjarju iżda ta’ importanza lejn il-ħaddiem,” tenna Flores.