Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU bi ftehim dwar skema volontarja kollettiva tal-pensjonijiet

“Kburi ngħid li wasalna biex il-Unjin tiffirma Memorandum of Understanding (MOU) mal-APS … l-iskop dejjem kien kif nistgħu nissalvagwardjaw lill-membri tal-GWU għall-perjodu ta’ meta jiġu biex jirtiraw,” saħaq is-Sur David Spiteri Gingell, Konsulent tal-GWU fil-Pensjonijiet, waqt l-indirizz tiegħu fil-konferenza internazzjonali tal-GWU.

Huwa ttratta r-riforma fil-pensjonijiet tal-privat u kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif l-Unjin qed tħares lejn l-irtirar u l-pensjoni fejn semma li l-Unjin bdiet proċess biex tkun tista’ toffri pakkett tajjeb lill-membri tagħha.

Gingell enfasizza dwar l-importanza li n-nies, sa minn età żagħżugħa, jibdew jaħsbu għall-futur tagħhom u rrefera għall-pjattaforma ‘ĠEMMA’ li ġiet introdotta biex titkattar l-edukazzjoni finanzjarja fost il-pubbliku.

B’rabta ma’ dan, huwa qal li waħda mill-ħidmiet tal-Unjin hija li tibda l-proċess ta’ edukazzjoni finanzjarja fost il-pubbliku, tant li sostna illi l-idea hi li meta tiġi fi tmiemha din il-konferenza, jibdew jifformulaw numru ta’ strumenti edukattivi biex jispjegaw lin-nies x’se jieħdu minn dan kollu.

L-iffirmar tal-MOU dwar l-iskema volontarja kollettiva tal-pensjonijiet sar ftit tal-ħin ilu fil-bini tal-GWU.

Unjin li tħares il-ġid tal-membri tagħha waqt ix-xogħol u anki fl-irtirar

Kelliem ieħor li ttratta dwar l-iskema volontarja kollettiva tal-pensjonijiet waqt il-konferenza internazzjonali tal-lum kien Kenneth Genovese, Kap tas-Settur tal-Investiment fi ħdan l-APS Bank. Fid-dawl tal-iffirmar tal-MOU bejn il-GWU u l-APS, huwa saħaq illi: “Il-GWU mhux biss qed tħares il-ġid tagħkom waqt li qed taħdmu, imma wkoll waqt l-irtirar”.

Huwa fisser li fl-aħħar 10 snin saru diversi tibdiliet fil-pensjonijiet: “Gvern wara ieħor daħħal inċentivi ġodda, fosthom l-investiment li jtik 25% lura tal-flus li tkun poġġejt fil-pension plan”.

Genovese osserva li huma bosta dawk li jsaqsu għalfejn hemm il-ħtieġa li jagħmlu pensjoni privata meta diġà hemm fis-seħħ il-pensjoni tal-Gvern. Huwa fisser li meta  tilħaq l-età tal-irtirar, il-Gvern itik pensjoni li tkun ekwivalenti għal żewġ terzi tal-paga, b’massimu ta’ €17,300 fis-sena. Min-naħa l-oħra, skema ta’ pensjoni privata taħdem differenti għaliex “mhix one-size fits all, imma tista’ tadattaha skont il-bżonnijiet tiegħek … pensjoni privata, iktar mhu se titfa’ fiha, iktar se tieħu lura”.

Fid-diskors tiegħu huwa enfasizza dwar l-importanza li qabel ma persuna tikkommetti ruħha għal skema ta’ dan it-tip, għandha taċċerta ruħha li l-kumpanija inkarigata tkun liċenzjata.