Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Jgħidu li mnalla kienet il-GWU għalihom

Ikompli jingħata kumpens lill-eks ħaddiema tat-Tarzna li mardu bl-asbestos

Fil-jiem li għaddew, kompla jingħata kumpens lill-eks ħaddiema tat-Tarzna li sofrew ħsara f’saħħithom minħabba li għamlu żmien twil esposti għall-asbestos waqt il-ħidma tagħhom. 

Dawn il-pagamenti ngħataw fil-bini tal-General Workers’ Union, li ħadmet bis-sħiħ biex tara li din il-ġustizzja titwettaq. Il-każi għall-kumpens kienu qed jiġu trattati mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall. 

Biex wasalna f’dan il-proċess saru diversi diskussjonijiet mal-Gvern. Nista’ ngħid li kemm min-naħa tal-Ministeru tal-Finanzi u anke mill-uffiċċju tal-Prim Ministru laqgħu t-talba tal-unjin tant li fil-Budget 2021 kien tħabbar li se jingħata kumpens lill-eks ħaddiema tat-Tarzna li mardu bl-asbestos,” qal is-Sur Marshall. 

Huwa kompla jgħid li f’dawn l-aħħar ġimgħat kellhom ukoll każi ta’ ħaddiema li tilfu ħajjithom minħabba l-asbestos u għalhekk il-kumpens se jkun qiegħed jingħata lill-qraba tagħhom. 

Sadanittant, dan is-sit tkellem ma’ żewġ eks ħaddiema tat-Tarzna li qasmu magħna l-esperjenzi tagħhom dwar dak li għaddew minnu meta kienu esposti għall-asbestos u x’kien ifisser dan il-kumpens li kienu intitolati għalih.

“Li ma kienx għall-GWU ma kinitx tgħaddilu minn moħħu japplika”

Vince Cachia ta’ 75 sena qal li huwa daħal bħala apprentist id-dockyard fl-1964 fejn beda jaħdem bħala fitter u baqa’ jaħdem hemm għal 44 sena sħaħ. “Xogħli dejjem kien jikkonsisti f’magni, turbini, steam boilers… dak iż-żminijiet asbestos kullimkien, li pjuttost konna ngħixu bih,” qal Cachia.

“Barra minn hekk biex tiftaħ turbina trid tkisser l-asbestos. Qabel tiftaħ dan kollu trid tnaddaf kullimkien. Dak iż-żmien ma kienx hemm għarfien biżżejjed dwar il-periklu marbut mal-asbestos, anke mill-aspett ta’ saħħa.”

Cachia kompla jgħid li “allaħares ma kinitx il-GWU” għalih għax li kieku ma kinitx tgħaddilu minn moħħu li japplika għall-kumpens wara dak kollu li kienu esposti għalih. “Konna ggwidati wkoll mill-Ministeru tal-Finanzi fuq il-kumpens għax kieku tispiċċa l-Qorti u ma tafx meta se tasal għall-konklużjoni.”

Frans Scicluna, li għandu 73 sena, qal li bħal Cachia, huwa daħal jaħdem it-Tarzna bħala fitter fejn għamel b’kollox 42 sena ta’ ħidma. “Konna naħdmu f’engine rooms fejn kullimkien kien ikun miksi bl-asbestos.” 

“Ma kellniex għarfien dwar l-asbestos … jista’ jkun fatali”

“Minbarra li ma kellniex l-għarfien ta’ x’jagħmel u ma jagħmilx l-asbestos, għexna ħafna fih, trid tkissru bilfors. L-asbestos jibqa’ fil-vini, u anke jista’ jkun fatali għax jibqa’ ġewwa fik. Tliet snin ilu kelli kanċer, kont fortunat li neħħewuli. Niżżuħajr ‘l Alla li issa ninsab mhux ħażin,” qal Scicluna li semma kif is-CT Scan kien dejjem jimmarkalu li huwa għamel żmien twil espost għall-asbestos.

“Kont mort għand il-GWU li laqgħuna u qalulna li kien hemm dan il-kumpens. Grazzi għal dan il-Gvern li kellna ċans li napplikaw għalih. Stennejna u fl-aħħar ħadna xi ħaġa li jekk mhux se nreġġgħu l-affarijiet lura li għandna ġewwa, tal-inqas għandek kumpens li kulħadd jieħu pjaċir bih,” temm jgħid Scicluna.