Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Iffirmat Ftehim Kollettiv mal-ħaddiema kollha Malta Gaming Authority

Il-General Workers’ Union iffirmat Ftehim Kollettiv li jkopri l-ħaddiema kollha tal-Malta Gaming Authority. L-ewwel wieħed li jkopri kull grad fl-awtorità hekk kif qabel it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi kienet tirrapreżenta biss lis-sezzjoni tal-Ispettorat (Gaming Inspectors). 

Dan il-ftehim b’terminu b’lura mis-sena 2021 sas-sena 2025, joffri titjib fil-pakkett finanzjaru kif ukoll potenzjal ta’ progress fil-karriera tal-ħaddiema tal-Awtorità. Is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin qalet li tinsab sodisfatta li l-ħaddiema wrew fiduċja fil-GWU u flimkien mar-rappreżentanti ħadmu biex itejbu l-kundizzjonijiet eżistenti.  

Hija tirringrazzja lill-maniġment tal-Awtorità kif ukoll lill-uffiċjali tal-People & Standards li ħadmu flimkien biex finalment ġie ffirmat dan il-ftehim.  

L-iffirmar sar minn Riccarda Darmanin bħala Segretarju tal-GWU tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi u rappreżentanti tal-ħaddiema fl-Awtorità kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv Carl Brincat u d-Deputat Kap Eżekuttiv/Kap Operattiv Christoper Formosa. Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.