Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ftehim ta’ Kollaborazzjoni ta’ Alleanza Bejn il-GWU u ċ-CGIL

Fil-jiem li għaddew ġie ffirmat ftehim ta’ sħubija doppja bejn iċ-CGIL (Confederazione Generale italiana del lavoro) u l-GWU (General Workers’ Union) li jsaħħaħ il-ftehim ta’ kollaborazzjoni li beda fl-2019 bit-twaqqif ta’ Contact Point biex joffru għajnuna lill-ħaddiema Taljani li jaħdmu Malta. L-uffiċċju jinsab ġewwa l-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.  

Iċ-CGIL diġà għandha ftehimiet oħra simili ma’ pajjiżi li jmissu ma’ fruntieri Taljani u ma’ trejdjunjins progressivi oħra. Il-ftehim huwa mmirat li jgħin ħaddiema Taljani li qegħdin jaħdmu f’Malta. Iż-żewġ trejdjunjins qegħdin joffru assistenza f’termini ta’ protezzjoni kollettiva fuq il-post tax-xogħol, is-servizzi u l-protezzjoni individwali.

Il-GWU ngħaqdet maċ-CGIL ta’ Sqallija u mad-dipartiment internazzjoni taċ-C.so Italia Trade Union minħabba numru kbir ta’ Taljani ġewwa Malta. Bħalissa hawn ʼil fuq minn 10,000 ċittadin Taljan impjegati ma’ diversi kumpaniji lokali. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin f’diversi setturi differenti. Hawn Taljani li jiġu Malta għal perjodu qasir però hawn ħafna oħrajn li ddeċidew li jiġu Malta biex jaħdmu għal perjodu itwal.

Barra minn hekk, il-ftehim stipulat għandu l-ħsieb li jkabbar il-qasam ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet fil-qasam tat-tredjunjoniżmu u t-taħriġ professjonali; fosthom komunikazzjoni dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol Taljan f’Malta u r-riċerka ekonomika u soċjali dwar il-fenomenu tax-xogħol tal-emigranti fuq medda qasira u permanenti.