Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Jibda proċess ta’ ħatra ta’ Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel

Fil-jiem li ġejjin, il-General Workers’ Union se tibda l-proċess ta’ mili ta’ vakanza ta’ Segretarju/a ġdid/a għat-Taqsima Ospitalità u Ikel, li tirrappreżenta ħaddiema membri tal-GWU li huma impjegati ma’ firxa wiesgħa ta’ setturi, fosthom ħaddiema f’lukandi, kumpaniji tal-ikel u xorb, kumpanijiet fil-qasam tad-divertiment, qasam ta’ tindif u numru ta’ entitajiet governattivi. Din it-Taqsima tieħu ħsieb ukoll numru kbir ta’ ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li jaħdmu Malta.

Il-vakanza ser tiġi fis-seħħ hekk kif fl-aħħar tax-xahar, is-Segretarju preżenti s-Sur Kenny Muscat jivvaka din il-pożizzjoni sabiex ikompli jagħti l-kontribut tiegħu mas-servizz pubbliku. Matul is-snin li okkupa l-kariga ta’ Segretarju, is-Sur Muscat akkumula esperjenza kbira fir-relazzjonijiet industrijali u ta kontribut siewi biex ġew konklużi bosta ftehim kollettivi, ta għajnuna kbira lil diversi membri u ħaddiema kemm fuq bażi personali u anke każi individwali. 

It-Taqsima taħt it-tmexxija tas-Sur Muscat rat evoluzzjoni sħiħa kemm ta’ membri, kif ukoll ta’ postijiet ta’ xogħol fi ħdanha. Minħabba l-esperjenza li akkumula s-Sur Muscat mistenni li jkompli jassisti lill-GWU f’inizjattivi oħra marbuta ma’ Relazzjonijiet Industrijali.

Il-GWU dalwaqt se tkun qed tħabbar il-proċess tan-nominazzjonijiet u ħatra tas-Segretarju/a ġdid/a, li jibda jservi fl-irwol mill-bidu ta’ Frar. Il-GWU tieħu din l-okkażjoni biex tirringrazzja lis-Sur Muscat tal-ħidma tiegħu matul is-snin favur il-membri, ħaddiema u l-istess organizzazzjoni filwaqt li tawguralu għall-futur.