Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tirċievi l-petizzjoni mill-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi

It-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u infurzar tal-liġi fi ħdan il-General Workers’ Union pubblimament infurmat lill-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li l-petizzjoni waslet l-unjin aktar kmieni llum. It-Taqsima nnotat li l-petizzjoni fiha 390 firma li jfisser madwar 94% tal-ħaddiema konċernati.

It-Taqsima qalet li jinnotaw ukoll li l-Ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi japprezzaw u jirringrazzjaw lis-Sur Alex Dalli tas-servizz tiegħu fl-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi. 

It-Taqsima tifhem li l-ħaddiema jridu jgħarfu pubblikament il-progress kbir li sar matul it-tmexxija tas-Sur Dalli, fejn illum fl-Aġenzija hemm strutturi ċari, ordni, u biżżejjed riżorsi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu xogħlom b’mod effettiv. Dan filwaqt li jassistu fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri bl-aħjar mod possibbli. 

It-Taqsima żiedet tgħid li għal snin twal il-ħaddiema tal-faċilità korrettiva, u anke l-familji tagħhom, batew fis-skiet l-intimidazzjoni u n-nuqqas ta’ struttura u għodda biex jaħdmu bihom. Dan mingħajr wisq konoxxenza jew min jitkellem għalihom fil-pubbliku.  Kienet it-tmexxija l-ġdida flimkien mad-dritt tas-sħubija f’unjin li kienu strumentali biex bdiet tinqaleb il-paġna. 

“Fi tlett snin u nofs il-ħaddiema flimkien mal-Kurunell Dalli rnexxilhom ibiddlu l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn post fejn id-droga u l-ħazin kienu l-ordni tal-ġurnata, għal post mingħajr droga u vjolenza, biex b’hekk setgħet issir aktar ħidma favur rijabilitazzjoni tal-priġunieri.”

Barra minn hekk it-Taqsima nnotat li sar xogħol infrastrutturali bla preċedent, fejn fost l-oħrajn tlesta x-xogħol fuq l-ewwel medical center state of the art fil-faċilita, xogħol fiċ-ċelel li tħallew abbandunati għal snin twal u xogħol ieħor. Ġew wkoll ingaġġati 25 professjonist fosthom, tobba, psikjatri, dentist, psikologi u nurses.

Dan minbarra li fl-aħħar xhur l-Union u l-Aġenzija nnegozjaw b’suċċess mal-Gvern l-ewwel ftehim kollettiv fl-istorja għall-ħaddiema tas-servizzi korrettivi. 

“L-unjin hija mpenjata li tibqa’ tahdem mal-amministrazzjoni magħżula għall-Aġenzija sabiex filwaqt li nassiguraw li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma terġax lura għall-istat li kienet qabel, ikomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar matul l-aħħar snin.”

Żiedet tgħid: “M’ghandna ebda dubju li l-ħaddiema lesti jagħmlu l-parti tagħhom u nħeġġu lil kull min għandu influwenza fis-soċjetà biex jifhem u japprezza l-ambjent partikolari li jaħdmu fih. Is-sensazzjonaliżmu u d-diskors mhux ibbażat fuq fatti, kultant instigat minn min ma jridx l-ordni u d-dixxiplina, la jgħin lill-istess ħaddiema u lanqas jgħin biex fil-faċilità jinħoloq ambjent ta’ riablitazzjoni kif meħtieġ. Hija l-ordni l-bażi li fuqha jridu jibnu l-professjonisti u mhux it-tixwix b’interessi li ħafna drabi tajjeb wieħed jistaqsi x’inhuma.”