Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

EUROPRIDE 2023: INTI MEMBRU UGWALI TAS-SOĊJETÀ

Ftit tal-jiem oħra, fil-Belt Valletta se tittella’ l-EuroPride 2023, avveniment varjat u komprensiv fuq għaxart ijiem li se jagħti spazju lill-komunità LGBTIQ+ twassal il-messaġġ tagħha.

Dan l-avveniment internazzjonali jkun ospitat minn belt Ewropea differenti kull sena u dis-sena ntgħażlet il-gżira tagħna, hekk kif skont l-indiċi ILGA Europe Rainbow Europe Malta hija l-aħjar post fl-Ewropa għall-persuni LGBTIQ+ filwaqt li leġiżlattivament Malta tinsab ferm ’il quddiem minn ħafna nazzjonijiet oħra Ewropej.

Din l-attività mhux biss se tkun avveniment ta’ ċelebrazzjonijiet, iżda wkoll waħda ta’ rispett u għarfien biex il-ġenerazzjonijiet futuri ma jkollhomx għalfejn jiġġieldu għal kawżi li kellhom jintrebħu ħafna żmien ilu. Dan kien wieħed mill-messaġġi li għaddiet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, fit-tnedija tal-EuroPride f’Malta.

Permezz ta’ dan l-avveniment irid jasal messaġġ ċar li kulħadd iħossu rispettat, rikonoxxut u vvalutat minn sħabu, il-postijiet tax-xogħol u l-familji tiegħu. Kull persuna LGBTIQ+ għandha tħossha libera li tista’ tkun hi stess, mingħajr ma taħbi lil min tħobb jew kif tidentifika ruħha.

Id-drittijiet LGBTIQ+ huma drittijiet tal-bniedem, u għalhekk li persuna LGBTIQ+ tkun aċċettata kullimkien hija importanti. L-aħbar tajba hija li madwar id-dinja, il-persuni LGBTIQ+ qegħdin dejjem jiġu aċċettati aktar u l-qasma globali fuq id-drittijiet LGBTIQ+ qiegħda tkompli tonqos.

Fil-jiem li ġejjin se jittella’ avveniment li matulu se jsiru numru ta’ diskussjonijiet dwar il-persuni LGBTIQ+ fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità, dwar l-impatt u l-ostakli li jsibu ta’ kuljum.

Lura fis-sena 1943 il-General Workers’ Union kienet l-unika protezzjoni għall-impjegati kontra l-inġustizzji u l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol. Minn dejjem ħarset u ddefendiet l-interessi tal-ħaddiema u ħadmet għall-ġid tal-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Qatt ma wriet diskriminazzjoni bejn individwi; anzi temmen fid-diversità u l-inklussività soċjali. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, waqt il-Europride, preċiżament nhar il-11 ta’ Settembru li ġej, il-GWU se ttella’ konferenza li se tittratta d-Drittijiet LGBTIQ+ fid-Dinja l-Ġdida tax-Xogħol; konferenza li nemmnu li hija f’waqtha u importanti, anke fid-dawl tat-tibdil mgħaġġel li qed iseħħ fid-dinja tax-xogħol.

Nemmnu wkoll li dan kollu jinkwadra perfettament mal-ħidma li qiegħda tagħmel il-GWU favur l-ugwaljanza u l-inklużjoni, filwaqt li l-konferenza se sservi ta’ opportunità biex dawk preżenti jsemmgħu leħinhom dwar ċertu sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu qegħdin jaffaċċjaw.