Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Aktar ftehimiet kollettivi ffirmati mill-GWU

Is-sensiela ta’ ffirmar ta’ ftehimiet kollettivi li qed tikkonkludi l-GWU ma’ diversi postijiet tax-xogħol qed tkompli għaddejja u qed twassal biex jitjiebu aktar il-pagi u kundizzjoinijiet oħra tax-xogħol ta’ diversi kategoriji ta’ ħaddiema. L-aħħar minn dawn kien il-ftehim kollettiv iffirmat mal-kumpanija Trelleborg Sealing Solutions (Malta) Ltd.

Il-ftehim kollettiv se jkopri l-perjodu ta’ erba’ snin, retroattiv minn Jannar 2021 u jiskadi f’Diċembru 2024. Dan se jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol fosthom żieda fil-pagi u allowances kif ukoll miżuri oħra ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja.

F’dan il-ftehim ġiet ntrodotta skema ta’ ħlas ta’ allowance għal dawk fil-gradi tekniċi li jkunu ‘on-call’. Ma’ dan se jkunu mtejba wkoll il-maġġoranza tal-gradi tal-impjiegi.

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv jixhed ir-relazzjonijiet kordjali u b’saħħithom li dejjem kien hemm bejn il-management tal-kumpanija u t-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU.

Il-firmatarji kienu s-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech flimkien ma’ Ancel Baldacchino, Jesmond Gatt, Joe Mallia, Jeffrey Micallef, Arthur Psaila u Khaled Shoeb bħala rappreżentanti tal-ħaddiema.

Għall-kumpanija Trelleborg iffirmaw Martin Hignett, Direttur Maniġerjali, Robert Cutajar, Direttur Finanzjarju u Marlies Sciberras Maniġer tar-Riżorsi Umani.