Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Erba’ studenti żgħażagħ mill-MCAST illum temmu l-apprentistat tagħhom ta’ sentejn mal-General Workers Union.

A group of people posing for a photo

Description automatically generated

Erba’ studenti żgħażagħ mill-MCAST illum temmu l-apprentistat tagħhom ta’ sentejn mal-General Workers Union. Dawn kienu l-ħames grupp ta’ studenti li kisbu esperjenza tax-xogħol partikolarment fit-tmexxija tal-uffiċċju b’enfasi fir-relazzjonijiet industrijali.

F’kelmtejn li għamel għal din l-okkażjoni waqt riċeviment organizzat għal dawn l-istudenti, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr illi l-esperjenza ta’ dawn iż-żgħażagħ fil-GWU kienet waħda mill-ħolm tiegħu li jagħmel mill-GWU organizzazzjoni żgħażugħa.

Huwa raddilhom ħajr għall-ħidma li, għalkemm studenti żgħażagħ, huma wettqu fid-diversi strutturi tal-GWU fosthom fit-Taqsimiet varji tal-Union. Huwa ħeġġiġhom biex jibqgħu militanti fit-trejdunjoniżmu tal-GWU u ħeġġiġhom ukoll biex filwaqt li jwasslu leħen il-Union, juru l-importanza li l-GWU tkun preżenti fil-postijiet tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fakkarhom ukoll li minkejja li spiċċaw l-apprentistat tagħhom, il-bibien tal-GWU se jibqgħu miftuħa għalilhom f’dak kollu li jkollhom bżonn fix-xogħol futur tagħhom.

L-erba’ studenti li temmew l-apprentistat tagħhom huma Michaela Muscat, Nicole Fenech, Chris Theuma u Amy Borg.

F’kummenti li taw ilkoll esprimew il-ħajr u s-sodisfazzjon tagħhom għall-għajnuna li dejjem sabu mis-Segretarji tat-Taqsimiet fejn ħadmu, u mill-Amministrazzjoni tal-Union b’mod partikolari tas-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.

Qalu wkoll illi fil-GWU dejjem ħassew daqslikieku qegħdin id-dar tagħhom u rringrazzjaw lil kull min ħadmu miegħu għall-ħbiberija tagħhom. Sostnew ukoll il-privileġġ li kellhom illi l-ewwel esperjenza tagħhom ħaduha fil-GWU, esperjenza li għallmithom ħafna. Irringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li fdaw fihom matul is-sentejn tal-apprendistat tagħhom.

Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-GWU Victor Carachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u s-Segretarji tat-Taqsimiet tal-union.