Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi jiddiskutu l-fondi Ewropej

L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union mmexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u l-President Victor Carachi flimkien mas-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin ilbieraħ iltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi.

Matul il-laqgħa iż-żewġ naħat tkellmu dwar id-dokumenti għall-konsultazzjoni pubblika li ġew imħabbra fl-aħħar ġimgħat dwar kif se jsir l-infieq ta’ fondi Ewropej f’Malta, kemm mill-Fond Soċjali Ewropew Plus kif ukoll mill-Fond ta’ Koeżjoni, il-Just Transition Fund u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Iż-żewġ naħat esprimew fehmiet dwar kif fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex jgħinu fit-taħriġ ta’ żgħażagħ u ħaddiema, fuq il-ħtieġa li jsir taħriġ dwar ħiliet ġodda li l-pajjiż se jkollu bżonn minħabba l-Green Deal Ewropew u t-Tranżizzjoni Diġitali, u anke dwar realtajiet konnessi mal-integrazzjoni. Tkellmu wkoll dwar kif fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex ikompli jikber it-tagħlim tul il-ħajja (lifelong learning).

Tema oħra diskussa kienet dwar għajnuna permezz ta’ fondi Ewropej li organizzazzjoni bħall-General Workers Union tista’ tikseb biex tħarreġ u tibni kapaċitajiet fost il-membri tagħha.