Għalkemm il-Konferenza tal-Għaqda Pensjonani ilha li saret tliet ġimgħa għandna s’issa nirċievu kummenti pożittiv. Dan huwa sodisfazzjoni kbir għall-Għaqda minħabba l-fatt li dawn il-kummenti jimlewna b’kuraġġ biex inkompli naħdmu għall-aħjar interessi tal-Anzjani Maltin u Għawdxin. Ix-xogħol li għamlet l-Għaqda biex tiġi organizzata l-Konferenza, għamlitu mhux biex tieħu pjaċir u taqla’ ċ-ċapċip (għalkemm li wieħed iċapċap għal xi ħaġa tajba ma fija xejn ħażin) imma biex tgħaddi l-messaġġ li anke l-Anzjani jistgħu jagħmlu affarijiet tajbin. L-Għaqda ser tkompli taħdem fuq dak li temmen u dan ser ikun possibbli għax fl-Għaqda hemm grupp ta’ nies b’esperjenza kbira li b’mod volontarju jaħdma kuljum biex jagħmlu l-ġid mingħajr l-ebda pretenzjoni oħra.
Illum il-paġna hija ddedikata għall-Konferenza Suċċess, li tant hemm wieħed x’jirraporta li se jkun hemm aktar numri fil-ġimgħat li ġejjin.
Kien ta’ sodisfazzjon għall-Għaqda li għall-konferenza attendew numru sabiħ ta’ Ex Shop Stewards u attivisti tal-Union li llum spiċċaw mix-xogħol u jagħmlu parti mill-Għaqda Pensjonanti. Din hija konferma li nies bħal dawn baqgħu leali lejn il-GWU, għax-xogħol kbir li għamlet fil-passat. Diversi minnhom għamlu kummenti mal-midja kemm fuq l-Għaqda kif ukoll fuq il-GWU. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin inxandru dawn il-kummenti.
L–Għaqda Pensjonanti f’laqgħa mal–Ispeaker
L-Amministrazzjoni tal-Għaqda kellha laqgħa kordjali u produttiva mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, fejn bħala Għaqda wassalna leħen l-Anzjani Maltin. Wieħed jista’ jgħid li min-naħa tiegħu l-Ispeaker wera s-sapport tiegħu lejn il-punti mressqa mill-Għaqda, fosthom il-proposta li ssir laqgħa speċjali dwar l-Anzjani fil-Parlament.
“Greylisted” mill-FATF
Wara li Malta tpoġġiet fil-lista griża tal-FATF, l-Għaqda temmen li jekk il-forzi Nazzjonali kollha jagħmlu sforz kollettiv, Malta għandha terġa’ tikseb lura l-għarfien u l-kredibilità Internazzjonali.
Il-Għaqda temmen li sar ħafna xogħol, iżda dejjem hemm iżjed xogħol x’jista’ jsir. Ir-riperkussjonijiet tar-riżultat jistgħu jinħassu f’setturi ekonomiċi kollha u dan jista’ jwassal għall-telf ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjiegi u tat-tnaqqis ta’ investiment dirett barrani li b’mod dirett jew indirett jistgħu anke jaffettwaw lill-anzjani tagħna.
Ir-riżultat tal-FATF huwa sfida oħra biex nerġgħu ningħaqdu flimkien u naħdmu id f’id biex malajr kemm jista’ jkun innaddfu isem Malta u nbiddlu dan ir-riżultat u Malta terġa’ tibda timxi ʼl quddiem. Ma għandniex dubju li flimkien nerġgħu niksbu l-post li ħaqqna.
Attivitajiet Soċjali
L-Għaqda Pensjonanti se terġa’ tibda torganizza l-Attivitajiet Soċjali, xi ħaġa li ħafna Anzjani tant xtaqu speċjalment meta dawn ilhom li waqfu minħabba l-Pandemija. L-ewwel attività se tkun fit-28 ta’ Lulju li se tikkonsisti fi “Breakfast u Logħob Tradizzjonali”. Din l-attività ser issir fid-Danish Village ġewwa l-Mellieħa.
Dawk li jixtiequ jattendu għal din l-attività għandhom iċemplu kemm jista’ ikun malajr il-GWU il-Belt biex jibbukjaw għax in-numru huwa wieħed limitat. L-attività qiegħda fuq bażi ta’ first come first serve.
Ikun ta’ pjaċir għall-Għaqda li tiltaqa’ magħkom għal din l-ewwel attività minn sensiela ta’ Attivitajiet li l-Għaqda qiegħda tfassal għax-xhur li ġejjin.
Id-Danish Village huwa post mill-isbaħ.