Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-kumpanija Multigas Ltd 

Il-General Workers’ Union kompliet għaddejja bis-sensiela ta’ ffirmar ta’ ftehimiet kollettivi li qed tikkonkludi ma’ diversi postijiet tax-xogħol, bl-aħħar minn dawn kien dak li ġie ffirmat mal-kumpanija Multigas Ltd.

Dan il-ftehim kollettiv, li jkopri l-perjodu 2022-2025, se jwassal għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol fosthom żieda fil-pagi u allowances kif ukoll miżuri oħra favur il-familja. 

Il-ħaddiema qed jiġu rikonoxxuti għas-‘seniority’ tagħhom fi ħdan il-kumpanija filwaqt li se jkunu introdotti gradi ġodda li jagħtu lill-impjegati l-opportunità li jkomplu javvanzaw fil-karrieri tagħhom. 

F’kumment ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Kimika u Enerġija Rita Dimech qalet li dan il-ftehim huwa riżultat tar-relazzjonijiet tajbin li jeżistu bejn il-GWU u l-management. Dan filwaqt li jimmotiva aktar lill-impjegati u se jservi ta’ pjattaforma biex ikunu attirati impjiegi ġodda.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju Rita Dimech u s-shop steward Wayne Pantalleresco. Għall-kumpanija Multigas iffirmaw il-Kap Eżekuttiv, l-Inġ. Michael Mifsud, l-HR Melinda Farrugia, il-Financial Controller Carlos Camilleri u l-Operations Manager, l-Ing. Reuben Attard.