Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Erbat ijiem xogħol biex tiżdied ġurnata off għall-ħaddiema fost proposti tal-GWU

Il-GWU qed tipproponi wkoll miżuri dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fosthom arranġamenti tax-xogħol aktar flessibli, u li fejn hu possibbli, u jkun hemm qbil bejn min iħaddem u l-impjegati permezz tat-trade unions, l-għażla li taħdem 40 siegħa fil-ġimgħa tkun mifruxa fuq erbat ijiem, b’mod li l-impjegat ikollu ġurnata oħra off. 

Fl-aħħar budget, il-Gvern daħħal rata ta’ taxxa ġdida fuq id-dħul tas-sahra, ta’ 15% fuq l-ewwel €10,000 għall-impjegati li l-paga bażika anwali tagħhom ma taqbiżx l-€20,000. Il-GWU qiegħda tipproponi li jiġi eliminat il-capping ta’ €10,000 u tiġi ffissata r-rata ta’ 15% fuq id-dħul kollu tas-sahra.

Il-GWU tenniet ukoll li l-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur għandu japplika għall-ħaddiema tal-kuntrattur. “Waqt li l-amministrazzjoni pubblika bħalissa qed tħallas l-istess paga bażika għal xogħol ugwali u rata doppja għax-xogħol nhar ta’ Ħadd, dawn l-impjegati m’għandhomx l-istess benefiċċji u mhumiex intitolati għaż-żidiet kollha bħall-uffiċjali pubbliċi.”

Dwar il-living income, il-GWU sostniet li kull ċittadin għandu jkllu dħul diċenti li jiggarantixxi għajxien diċenti. “Qed nipproponu li l-ewwel niddefinixxu x’inhi l-living income  u t-tieni, li nistabbilixxu l-ammont meħtieġ biex tipi differenti ta’ familji u individwi jkollhom għajxien diċenti,” qalet il-GWU. 

L-union tenniet ukoll li hija favur it-tieni mekkaniżmu tal-COLA għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. “Il-GWU diġà ħadet sehem b’mod attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ressqet uoll is-suġġerimenti tagħha. Nemmnu li l-Gvern għandu jimplimenta din il-miżura b’mod immedjat għaliex dawn il-gruppi vulnerabbli qed jaffaċċjaw l-aktar sitwazzjonijiet diffiċli.” 

Il-GWU pproponiet ukoll li minbarra li jiżdiedu l-pensjonijiet, ikun hemm ukoll żidiet fil-benefiċċji soċjali kollha biex il-pensjonanti ikunu megħjuna sabiex ikollhom ħajja diċenti. 

Il-GWU dejjem qablet favur il-pensjoni tat-tielet pilastru bħala t-triq ‘il quddiem. Il-GWU qed tipproponi li dan il-kunċett għandu jkun awtomatiku biex isaħħaħ id-dħul tal-pensjonanti. Dan iżda għandu jkollu miegħu d-dritt li wieħed ma jkunx parti mill-iskema. 

Dwar il-proposta maħsuba biex issaħħaħ l-edukazzjoni u tnaqqas il-persentaġġ tal-istudenti li jieqfu kmieni,  il-GWU qalet li “din mhix ibbażata biss biex tindirizza lil dawk li jitilqu mill-iskola kmieni u n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa iżda wkoll għaliex l-iskejjel tas-snajja jistgħu jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet għal ekonomija ekoloġika u diġitali fi żminijiet ta’ bidla demografika.”