Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Malta Freeport Corporation

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Malta Freeport Corporation li jkopri l-perjodu 2022-2026. Minbarra titjib fis-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiema se jkunu qegħdin igawdu wkoll minn żieda fl-allowances fost benefiċċji oħra. 

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri li f’kelmtejn li għamel irringrazzja lill-uffiċjali tal-GWU tal-ħidma u l-koperazzjoni tagħhom biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim.

Huwa spjega kif dan il-ftehim se jfisser żieda sostanzjali fil-paga ta’ xejn inqas minn 94 ħaddiem. Qal li l-Korporazzjoni se tkun qiegħda tinvesti ‘l fuq minn €675,000 fuq perjodu ta’ żieda fis-salarji fuq ħames snin. “Se nkunu qed naraw żieda ta’ madwar 2.5% fis-sena fis-salarji ta’ dawn il-ħaddiema, medja ta’ żieda ta’ €2,500 fuq perjodu ta’ ħames snin.” 

Il-Ministru Schembri qal ukoll li permezz ta’ dan il-ftehim, se tkun qiegħda tirdoppja l-allowance minn €5 għal €10 fil-ġimgħa. Dan l-allowance ifisser investiment ta’ ‘l fuq minn €84,000 fuq perjodu ta’ ħames snin.

Minbarra hekk, ġiet ukoll imtejba l-klawsola fejn persuna li tirtira mix-xogħol fl-età ta’ 59 sena se tkun intitolata għal ġimgħa paga ta’ kull sena li jkun ilu jaħdem mal-istess Korporazzjoni.

David Magro, Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-ftehim ġie konkluż f’temp ta’ ftit xhur. Huwa sellem lill-ħaddiema tal-kontribut siewi tagħhom, li baqgħu għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn anke fi żmien il-pandemija.

“Il-Port Ħieles huwa arterja vitali ħafna. Fl-aħħar sentejn għaddejna minn żmien ta’ turbolenza kbira minħabba l-pandemija iżda ħadna l-prekawzjonijiet kollha biex nipproteġu lill-ħaddiema tagħna mill-Covid-19. Dan il-ftehim kollettiv qiegħed jippremja l-bżulija tal-ħaddiema,” qal Magro. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin stqarr li: “nemmen li bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, anke tal-ħaddiema membri tal-GWU, saħħaħna dan il-ftehim kollettiv. Bdejna d-diskussjonijiet is-sena li għaddiet u fi ftit xhur għalaqnieh. Tassew li f’din l-entità bdejna djalogu soċjali qawwi.” 

Il-ftehim f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima George Zahra u s-Shop-Steward Clint Cutajar filwaqt li f’isem il-Korporazzjoni ffirma l-Kap Eżekuttiv David Magro, iċ-Chairperson Robert Sarsero u ċ-Chief Security Officer Clayton Fiteni. Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.