Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tfisser moviment soċjali li biddlet il-qagħda tal-ħaddiema

“Bħala PM li mmexxi bi kburija l-Partit tal-Ħaddiema nħossni onorat li qiegħed fostkom illum. Għalija din il-unjin tfisser moviment soċjali li biddlet il-qagħda tal-ħaddiema u fil-proċess biddlet għall-aħjar ir-rikonoxximent lejn il-ħaddiem mis-soċjetà,” saħaq il-Prim Ministru, Dr Robert Abela, meta kien qed jindirizza l-konferenza internazzjonali b’rabta mat-80 anniversarju mit-twaqqif tal-General Workers’ Union (GWU).

Huwa kompla jgħid lill-mexxejja tal-GWU li għandhom tassew għal xiex ikun kburin b’dak li rnexxielhom jagħmlu, filwaqt li ħeġġiġhom biex jibqgħu mexjin bl-istess ritmu u passjoni.

Dr Abela saħaq li l-GWU u l-istorja soċjali ta’ pajjiżna huma intrinsikament magħquda flimkien, għaliex kienet il-ħidma tal-Unjin stess li f’dawn l-aħħar 80 sena biddlet il-qagħda tal-ħaddiema radikalment. Huwa għaraf li l-bidla ma seħħitx awtomatikament, u lanqas seħħet għax iż-żmien ibiddel waħdu, iżda seħħet għaliex “il-pajjiż kien igawdi minn forzi progressivi b’saħħithom u fuq quddiem nett kien hemm il-GWU”.

Huwa kompla jgħid li matul l-istorja tagħha, il-GWU ma kinitx waħda li ngħalqet fil-postijiet tax-xogħol,  u lanqas ma kienet unjin li kkuntentat bit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sa fejn jidħlu l-membri tagħha biss. Id-dmirijiet tagħha qdiethom tajjeb ħafna, tant li apparti li ħadmet qatigħ biex ġabet kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-membri tagħha, kisbet kundizzjonijiet tajbin ukoll għal eluf ta’ ħaddiema oħra, irrispettivamnet kinux membri tagħha jew le: “irrappreżentat u ħadmet għall-klassi tal-ħaddiema kollha daqskemm irrappreżentat u ħadmet għall-membri tagħha stess”.

“F’din il-unjin il-ħiliet trejdunjonistiċi jispikkaw madwar il-mejda. Dejjem kienet unjin konxja li kull tilwima industrijali li jkun hemm trid tasal fi tmiem, li jkun kemm jista’ jkun mgħaġġel, u l-proċess ta’ negozjati ma jħallix wisq tbajja’ warajh għax irid jingħalaq malajr bejn min iħaddem u min jaħdem fuq in-naħa l-oħra,” fisser Dr Abela.

Waqt l-istess konferenza għamel l-intervent tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fejn saħaq li qegħdin niċċelebraw ħidma ta’ unjin li flimkien ma’ unjins oħra f’dan il-pajjiż dejjem enfasizzaw fuq l-aktar ħaġa importanti – l-interess tal-ħaddiem. Qal li hekk għandu jibqa’ jsir, u li jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern, il-ħidma tikkonċentra mhux biss fuq it-titjib fil-pagi imma anke fil-kundizzjonijiet.

Huwa saħaq fuq il-bżonn li nassiguraw li ngħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli biex naraw li dawn ma jibqgħux lura u kulħadd jimxi ‘l quddiem f’pajjiżna. Qal ukoll li rridu naraw kif nindirizzaw il-pjaga tal-għoli tal-ħajja. “Għalhekk nibqgħu ninsistu mal-gvern li għandu jiddaħħal amont ta’ miżuri li jimmitigaw din il-pjaga,” qal Dr Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma li fost il-miżuri li ressqu bħala PN hemm li jissaħħaħ kull settur ekonomiku. “Huwa importanti li noħolqu mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda. M’għandniex nitilfu l-opportunitajiet li jkunu qed jiżviluppaw madwarna,” żied jgħid Dr Grech. 

Tenna li l-allowance tal-COLA m’għandux ikun taxxabbli u li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja. Huwa fakkar li rridu naraw li dak li nagħmlu bħala pajjiż ikun sostenibbli. “Nistgħu nkunu sostenibbli, għax hekk irridu u hekk hemm bżonn. Mhux biss għall-ġenerazzjoni t’għada imma ta’ warajha u ta’ warajha. Hekk huwa d-dmir tagħna u flimkien nistgħu nagħmlu dan possibbli”.