Written by Artikli, Assoċjazzjoni Pensjonanti, Bla Kategorija, Il-Union

Eku tal-Konferenza Suċċess

Il-Konferenza Ġenerali tal-Għaqda Pensjonanti serviet biex jingħata sinjar ċar ir-rieda tal-Għaqda biex tkompli tkun il-leħen tal-Anzjani Maltin u Għawdxin. Bħala Għaqda fiż-żmien li ġej se tkompli tħabbar inizjattivi ġodda li minnhom ser igawdu l-membri tal-Għaqda.

Xi ħaġa ġdida li saret fil-konferenza hija li numru minn dawk preżenti ntalbu jagħtu l-kummenti tagħhom li se nkunu qegħdin nippubblikawhom f’din il-paġna fil-ġimgħat li ġejjin.

Illum se nxandru l-kummenti ta’ żewġ membri tal-Għaqda Frank Bowmen u Joe Debono Grech.

Għala Ġieħ lil Lino Debono u Joe Sapiano

Waqt il-konferenza l-Għaqda tat Ġieħ lil Lino Debono u Joe Sapiano għax bħala Għaqda tħoss li mhux biss ilhom jagħtu servizz lill-Għaqda għal żmien twil u għadhom jagħtu imma wkoll li ta’ kuljum jagħtu servizz mill-uffiċċju tal-Għaqda. Joe Sapiano jibda jagħti s-servizz minn filgħodu kmieni. Hu jilqa’ lill-membri speċjalment lil dawk li jkollhom xi problema bil-pensjoni. Kienu ħafna membri li gawdew mis-servizz ta’ Joe Sapiano fejn kellhom il-pensjoni tagħhom irranġata.

Tajjeb wieħed ifakkar li kemm Lino kif ukoll Joe bħal kumplament jagħtu s-servizz tagħhom b’mod volontarju u l-uniku ħaġa li jieħdu hi tazza kafè (meta l-magna tkun qed taħdem)

Lino Debono u Joe Sapiano ngħataw il-Ġieħ mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Attività Edukattiva

Biex tipproteġi s-saħħa tal-Anzjani l-Għaqda waqfet l-attivitajiet kollha minħabba l-pandemija però reċentament l-Għaqda reġgħet bdiet torganizza diversi attivitajiet. F’waħda mill-attivitajiet l-Għaqda stiednet lil Profs Ray Mangion biex ikun il-kelliemi ewlieni. Wieħed jista’ jgħid li din l-attività ntlaqat tajjeb ħafna mhux biss min-numru sabiħ li attendew imma wkoll għall-mod kif Profs Mangion irnexxielu jesprimi dak li jaf fuq diversi suġġetti. Kien ta’ sodisfazzjon li kienu bosta minn dawk preżenti mhux biss urew is-sodisfazzjon tagħhom imma wrew ix-xewqa li fil-futur nerġgħu nistiednu lil Profs Mangion, xi ħaġa li wara l-laqgħa Profs Mangion aċċetta l-istedina bil-ferħ. Min-naħa tiegħu wkoll huwa faħħar mhux biss l-organizzazzjoni tal-attività imma anke għall-attendenza sabiħa li kien hemm.

Fl-attività edukattiva li jmiss li ser issir fis-6 ta’ Ottubru l-kelliem ewlieni se jkun l-Ispeaker Anġlu Farrugia li laqa’ bil-ferħ l-istedina li għamlitlu l-Għaqda

(Żommu d-data tas-6 ta’ Ottubru vojta ħa tkunu tistgħu tattendu għal din l-attività speċjali)

L-Għaqda Pensjonanti twassal il-kondoljanzi lil Dr Aron Mifsud Bonnici u lill-familja. Ftit tal-ġranet ilu ħallietna l-mara tiegħu Dr Katrina Borg Cardona.

Passatempi

Illum se nlaqqgħukom ma’ membru tagħna Joe Baldacchino miż-Żejtun li għandu l-passatemp tal-pittura bi preċiżjoni.

Dawn huma ftit mill-pitturi tiegħu

Membership (ewtlab.it)