Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Politika, Teknoloġija

GWU Għaqda Pensjonanti ddiżappuntata wara l-aħħar deċiżjoni tal-BOV

GWU Għaqda Pensjonanti ma qablet xejn mal-aġir tal-Bank of Valletta għad-deċiżjoni li ħa li l-inqas ammont li wieħed jista’ jiġbor mingħand il-kaxxier issa sar ta’ €700.

L-Għaqda Pensjonanti tħoss li din id-deċiżjoni se tkompli ġġib aktar sfidi fuq il-pensjonanti u bl-aġir tiegħu l-Bank qed jikkonferma dak li qalet l-Għaqda, “Il-Banek mexjin għad-direzzjoni li jneħħu darba għal dejjem is-servizz tal-kaxxiera.” L-Għaqda Pensjonanti tkompli ssaħħaħ l-argument tagħha li l-BOV qed jinqeda bil-pandemija biex jipprova jasal għal din id-deċiżjoni.

Dan il-bank minflok jieħu deċiżjonijiet ulterjuri fil-konfront tal-pensjonanti bl-iskuża tal- pandemija, għandu jara li jieħu miżuri adekwati li diġà jeżistu biex ikun ta’ iżjed għajnuna lill-anzjani, pensjonanti u l-ħaddiema tal-Bank.

L-Għaqda Pensjonanti tagħmilha ċara li mhijiex taqbel ma’ din id-deċiżjoni għall-fatt li tmur kontra kull diskussjoni li l-Għaqda kellha ma’ uffiċjali tal-BOV. Liema diskussjonijiet kienu mmirati li l-Bank jagħti servizz aħjar lill-pensjonanti u mhux ikompli jagħmel il-ħajja tagħhom waħda iżjed diffiċli speċjalment waqt pandemija għax b’hekk il-Bank ikun qed jonqos lis-soċjetà.      

L-Għaqda Pensjonanti tesiġi mal-Awtoritajiet speċjalment dawk finanzjari sabiex iwaqqfu darba għal dejjem dan l-aġir mhux aċċettabli tal-Banek f’dal-każ il-Bank BOV fil-konfront tal-pensjonanti.

L-Għaqda Pensjonanti tiskuża ruħha li minħabba l-pandemija ma tistax tieħu miżuri aktar meħtieġa iżda minkejja dan, l-Għaqda xorta se tagħmel dak kollu possibbli skont iċ-ċirkustanzi.