Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union, Metall u Kostruzzjoni

GWU Taqsima Metall u Kostruzzjoni

It-Taqsima Metal u Kostruzzjoni hija t-taqsima fi ħdan il-GWU li tirrappreżenta l-ħaddiema fis-setturi tal-Kostruzzjoni, Metall, Manifattura u Loġistika.

Din it-Taqsima tirrappreżenta;

  • Ħaddiema tar-Resource Support and Services Limited (RSSL)
  • Ħaddiema tal-kostruzzjoni
  • Fabbriki tat-tessuti
  • Fabbriki fl-Industrija tal-karta
  • Ħaddiema fil-qasam tat-tiswija u servizzi marittimi
  • Ħaddiema tal-posta

Bħala Taqsima fi ħdan il-GWU tinnegozja l-aħjar drittijiet għall-ħaddiema membri tagħha. Tara li dawn igawdu minn ġustizzja ugwali kif ukoll li jkollhom l-aħjar kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Kull ħaddiem għandu dritt li jkollu Union tirrappreżentah, irrelevanti x-xogħol, il-grad jew il-kuntratt tax-xogħol li jkollu.

Jekk Union tkun tirrappreżenta iżjed minn nofs il-ħaddiema f’kumpanija, din tiġi rikonoxxuta mid-DIER.

Minn hemm ʼil quddiem il-Union tkun tista’ tibda;

  • Tinnegozja ftehim kollettiv biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
  • Tkun preżenti għall-konsultazzjoni u tiddiskuti proposti biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Management u Ħaddiema.

Welfare Fund

Din it-taqsima għandha Welfare Fund li jgħin ħaddiema u lill-familjari tagħhom jekk jiġu bżonn servizzi mediċi barra minn Malta. Dan il-fund beda għall-ħaddiema tat-tarzna u għadu jiffunzjona sal-lum il-ġurnata.

Kif jaħdem dan il-fund?

Kull min hu membru tal-Union u jaqa’ taħt din is-sezzjoni jista’ jgawdi mill-benefiċċji tal-Welfare fund;

  • Ikopri transport, ħlasijiet tal-kontijiet tal-mobile u tal-akkomodazzjoni waqt li tkun għaddej mit-trattamenti mediċi barra minn Malta
  • Trid tkun ilek sena membru ta’ dan il-fund. Il-miżata hija ta’ 12-il euro fis-sena
  • Trid tkun ukoll membru tal-Union fi ħdan it-Taqsima

Ħidma Oħra

Għal diversi snin din it-Taqsima rrappreżentat ħaddiema tat-Tarzna li mardu b’mard ikkawżat mill-Asbestos kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. B’kollaborazzjoni ma’ Avukati mill-Istati Uniti t-Taqsima ressqet il-każijiet ta’ dawn il-Ħaddiema li ħadmu fuq vapuri Amerikani fejn irnexxielha wkoll iġġib kumpens għal dawn il-vittmi u l-werrieta tagħhom. Bħalissa t-Taqsima tinsab għaddejja b’diskussjonijiet mal-Gvern Malti biex dawn il-Ħaddiema jingħataw kumpens mingħajr il-bżonn li jmorru l-Qorti. Din kienet proposta li pproponiet il-GWU u ġiet inkluża fl-aħħar budget.

Resource Support and Services Limited

Din it-taqsima tirrappreżenta wkoll il-Ħaddiema tar-Resource Support and Services Limited (RSSL) kumpanija mwaqqfa mill-Gvern fl-2003. Din il-Kumpanija tħaddem eks ħaddiema tat-tarzna, eks ħaddiema tal-Kalaxlokk u fl-aħħar sena ħaddiema li kienu mal-Airmalta. Din tipprovdi ħaddiema lid-Dipartimenti tal-Gvern fejn jagħmlu xogħol minn manutenzjoni sa anke maniġment.

Min hu Jesmond Marshall: Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni

Jesmond ilu jaħdem mal-Union mill-2015, fejn beda bħala Junior Secretary. Fl-2018 huwa sar Segretarju tal-istess taqsima. Jesmond hu eks ħaddiem tat-Tarzna u ilu attiv fil-Union għal aktar minn 35 sena. Huwa miżżewweġ lil Marylou u għandhom tifel.

Il-passatempi tiegħu huma: Target Shooting, vjaġġar u l-mużika, speċjalment dik Rock. Apparti minn hekk iħobb ħafna l-annimali.

L-istorja ta’ din it-Taqsima

Din hija waħda mill-eqdem taqsimijiet tal-Union. Għal diversi snin kienet magħrufa bħala t-Taqsima tat-Tarznari, għaliex kienet tirrappreżenta lill-ħaddiema tat-Tarzna. Illum il-ġurnata l-GWU hija l-unika Union f’Malta li tirrappreżenta lill-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Permezz tas-saħħa li din it-Taqsima dejjem kellha mill-Ħaddiema tat-Tarznari, kienet dejjem minn ta’ quddiem biex iġġieldet għal diversi drittijiet li jgawdu minnhom illum il-Ħaddiema Maltin kollha fis-setturi kollha.