Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Bżonn ta’ liġijiet u direttivi b’saħħithom biex tinħoloq dinja tax-xogħol aktar ġusta

Fid-diskors tal-ftuħ tas-seminar internazzjonali PIT – POSTING IN TRANSPORT rigward l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja ffoka fuq il-bżonn ta’ liġijiet u direttivi b’saħħithom u robusti biex tinħoloq dinja tax-xogħol aktar ġusta.

Is-seminar iddiskuta x-xogħol tax-xufiera li jġorru l-merkanzija madwar l-Ewropa kollha. Il-parteċipanti li kienu jgħoddu għal madwar 40 persuna, iffokaw fuq it-tisħiħ tar-rwol tat-trejd unjins fl-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport. Mistiedna għal dan is-seminar biex jiddiskutu din it-tema kien hemm stakeholders mid-DIER u Transport Malta. Matulu ttellgħu diversi workshops biex wara ddiskutew ir-riżultati tagħhom.

Quddiem udjenza internazzjonali, fosthom Taljani, Belġjani u Bulgari s-Sur Bugeja semma’ kif matul il-Presidenza Maltija, fl-2017 il-General Workers’ Union kienet waħda mill-mexxejja għall-emenda tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema. Direttiva li daħlet fis-seħħ fl-2020.

Minħabba dawn is-sitwazzjonijiet differenti, ġew introdotti bidliet fid-Direttiva tal-UE 2020/1057 biex jiġu indirizzati l-Eżenzjonijiet, ir-Regoli Amministrattivi nkluż il-Kontroll. 

“Aħna ridna neliminaw is-social dumping. Madankollu dawn xorta waħda ma kinux biżżejjed. Nieħdu eżempju l-ħaddiema stazzjonati fit-trasport, fejn insibu aktar minn 3.5 miljun sewwieq fit-toroq tal-UE,” żied jgħid Bugeja.

Huwa qal li ħafna minn dawn is-sewwieqa jaħdmu u jieħdu l-mistrieħ tagħhom barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE. Hemm fejn min iħaddem ikun stabbilit f’pajjiż differenti fejn ikun qed isir ix-xogħol, dawn is-sewwieqa issa qed jitqiesu bħala ħaddiema stazzjonati, iżda mhux dejjem. Għalkemm teżisti d-Direttiva tal-UE.

“Wieħed hawnhekk jistaqsi, għaliex kien hemm bżonn ta’ Regolament ieħor għas-Sewwieqa Stazzjonati u għaliex għandna bżonn taħriġ għar-rappreżentanti tagħhom? It-tweġiba hija sempliċement minħabba li l-istazzjonar tas-sewwieqa mhuwiex sempliċi bħal f’każ ta’ impjiegi tipiċi oħra f’industriji oħra.”

Huwa temm jgħid li huwa importanti li x-shop stewards ikollhom għarfien ta’ dawn ir-regolamenti biex ikunu jistgħu jgħinu lill-membri tagħna jidentifikaw meta għandhom jitqiesu bħala ħaddiema stazzjonati u meta ma jkunux. 

“Irridu niżguraw li s-sewwieqa ma jiġux imġiegħla jaħdmu f’kundizzjonijiet tax-xogħol illegali u niżguraw li s-sewwieqa jiġu ttrattati b’mod ġust mingħajr abbużi li jistgħu jwasslu għall-ksur tal-kundizzjonijiet tax-xogħol regolati bil-liġi.”

F’dan is-seminar ħadu sehem ukoll il-President tal-GWU Victor Carachi, is-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella, l-Assistent Segretarju Kevin Abela u Riccardo Travaglini – EURES TMS Advisor, flimkien ma’ diversi segretarji tat-taqsimiet tal-GWU.