Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU ssellem lill-President il-ġdid ta’ Malta Myriam Spiteri Debono filwaqt li tirringrazzja lill-President Emeritus George Vella

Il-GWU tesprimi l-awgurju sinċier tagħha lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u tawguralha kull ġid fil-ħatra tagħha fl-ogħla kariga tal-istat. Il-GWU hija konvinta li n-Nutar Spiteri Debono se tkun qed twettaq id-dmirijiet tagħha bħala Kap tal-Istat b’mod ammirevoli, bħall-preċedessuri tagħha.

Minn hawn issellem u tirringrazzja lill-President Emeritu George Vella għax-xogħol siewi u meqjus li għamel matul il-ħames snin fil-Presidenza minkejja d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom minn żmien għal żmien.

President li bħal ta’ qablu dejjem baqa’ viċin il-poplu Malti u serva u onora lil pajjiżu fl-aħjar mod possibbli, anke meta sab quddiemu l-isfidi u kellu jieħu deċiżjonijiet xejn faċli.

Il-President Emeritu Vella dejjem kien ifakkar li pajjiżna hu Repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol, li fil-Kostituzzjoni tagħha mhux biss tirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini għal xogħol, imma obbligata tipproteġi dan id-dritt u tieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex tagħti dinjità lill-ħaddiema.

Fiż-żjara tiegħu fil-binja tal-GWU għal laqgħa speċjali tal-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, esprima t-twemmin tiegħu li fl-għaqda hemm is-saħħa u kien kburi bl-edukazzjoni u l-aġġornament kontinwu tal-ħaddiema, fosthom ix-shop stewards, f’dak li jirrigwardja prattiċi industrijali u internazzjonali. Aċċenna li wieħed fil-GWU jsib fond ta’ esperjenza u ta’ informazzjoni ta’ tant snin ta’ storja.

Hu u jindirizza l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, l-E.T. George Vella qal li filwaqt li nħabbtu wiċċna ma’ sfidi ġodda f’diversi setturi fuq il-postijiet tax-xogħol, iżda wieħed irid jifhem li wara kull xogħol hemm dejjem il-bniedem u li għalhekk wieħed irid jara li meta tkun qed tipproteġih, tipproteġih ħolistikament, mill-perikli, għejja, stress, tara li tassiguralu paga diċenti, irtirar dinjituż u mistrieħ adekwat.

Il-President Emeritu Vella, kull darba li kien jindirizza lill-ħaddiema dejjem saħaq li kull xogħol huwa importanti u ebda xogħol ma huwa inferjuri. Kien ikun ta’ sodisfazzjon kbir għalih jinnota l-livelli għoljin ta’ kapaċitajiet u kompetenzi tekniċi u professjonali li għandhom il-ħaddiema f’Malta, li jitħarrġu fihom, isaħħu l-ħiliet tagħhom fuqhom u jwettquhom fil-prattika.

Kien jinsisti li l-ħaddiema kollha flimkien jifformaw parti minn katina – li kull parti minnha hija indispensabbli u li mingħajrha l-prodott finali ma jimmaterjalizzax.

Spiss jirrimarka s-sehem tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u jawgura li aktar nisa jidħlu fis-setturi kollha tal-qasam tax-xogħol. Kif ukoll lill-ħafna ċittadini barranin fostna llum, li għażlu lil Malta bħala d-dar adottiva tagħhom, filwaqt li jesprimi t-tama tiegħu li dawn iħossuhom apprezzati u milqugħa f’Malta.