Il-General Workers’ Union (GWU) kellha laqgħa kordjali mal-Ambaxxatur Taljan għal Malta, Fabrizio Romano, fejn fiha ddiskutew diversi temi. Għal din il-laqgħa attendiet l-amministrazzjoni tal-GWU iffurmata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri. Attenda wkoll il-Kap tal-Contact Point GWU-CGIL, Riccardo Travaglini.
Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon ta’ din il-laqgħa, Bugeja qal li bħala Union għandhom storja twila mat-trejdunjins Taljani speċjalment mas-CGIL. Ġie spjegat l-irwol tal-punt ta’ referenza CGIL li ġie maħluq biex jagħti ospitalità, servizzi, assistenza u rappreżentanza għat-talbiet u l-bżonnijiet ta’ ħaddiema, kemm rġiel, nisa, żgħażagħ u pensjonanti Taljani li jinsabu preżenti f’Malta. Intqal kif l-irwol ta’ dan il-punt ta’ referenza huwa wieħed importanti ħafna fl-isfond tal-fatt li l-akbar kontinġent ta’ ħaddiema barranin hawn Malta huma t-Taljani. B’dan il-mod kull ċittadin Taljan li jiġi Malta biex jaħdem, mhux se jitħalla waħdu u dejjem se jkollu s-sapport neċessarju.
Bugeja qal li mas-CGIL, kif ukoll fuq pjattaformi Ewropej bħaċ-CES (Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins), jaħdmu flimkien għax għandhom l-istess għanijiet u jitkellmu dwar suġġetti differenti fosthom fuq l-immigrazzjoni u s-saħħa.
Spjega li bħala Union issa qed jagħmlu wkoll servizzi miżjuda li mhumiex relazzjonijiet industrijali għax minn stħarriġ li għamlu ħareġ li dak li għandhom bżonn il-ħaddiema mhux dejjem huma relazzjonijiet industrijali biss iżda għandhom bżonn ukoll affarijiet oħra.
Bugeja qal li bħala GWU dejjem emmnet u se tibqa’ temmen li l-ħaddiema kollha huma l-istess. Waqt il-laqgħa fost l-oħrajn spjega kif l-Union għandha firxa wiesa’ fl-ekonomija u tirrappreżenta madwar 31 nazzjon madwar id-dinja.
Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur Taljan irringrazzja lill-GWU tal-istedina u qal li jinsab onorat li ż-żewġ naħat iltaqgħu. Huwa qal li rrealizza l-importanza tal-GWU mhux biss għall-ħaddiema Maltin. Iż-żewġ naħat iddiskutew diversi temi fosthom il-possibiltà li jaħdmu aktar flimkien għall-benefiċċju mhux biss tal-ħaddiema li jinsabu f’Malta iżda anke għal dawk il-ħaddiema msejħa transkonfinali. L-Ambaxxatur Romano qal li hemm ħafna aspetti li jistgħu jarrikkixxu r-relazzjoni ta’ bejniethom.
Aktar qabel, l-Ambaxxatur Romano iltaqa’ mal-Kap tal-Contact Point GWU-CGIL, Riccardo Travaglini. Matul il-laqgħa, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet ikkawżati mill-pandemija u l-ħidma mwettqa mill-GWU u s-CGIL ġew diskussi fit-tul.
Source: inewsmalta.com