Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar dwar iż-żieda fil-pensjonijiet għall-membri fil-korpi dixxiplinati li jibqgħu fis-servizz   

Il-General Workers’ Union tinsab kuntenta bl-aħbar dwar iż-żieda fil-pensjonijiet għall-membri fil-korpi dixxiplinati li jibqgħu fis-servizz, ‘l hekk imsejħa tal-25 sena servizz. Il-GWU kienet ipproponiet iż-żieda fil-pensjoni tal-25 sena servizz lill-partiti politiċi fl-aħħar elezzjoni.  

Tajjeb li kulħadd iżomm f’moħħu li n-natura tax-xogħol tal-uffiċjali tal-korpi dixxiplinati hija waħda ta’ periklu – il-periklu li ċittadini oħra jaħarbu minnu u li dawn l-uffiċjali jidħlu fih għall-protezzjoni tagħna. Dawn l-inizjattivi għandhom ikomplu jtejbu l-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tax-xogħol wara li fis-snin passati ġew iffirmati diversi Ftehim Kollettivi mal-unjins li jirrappreżentaw lil dawn il-ħaddiema.  

Fil-fatt il-GWU għandha rikonoxximent esklussiv fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, fil-Forzi Armati ta’ Malta, għandha l-affiljazzjoni tas-Civil Protection Union, kif ukoll l-affiljazzjoni tal-Police Officers’ Union. Dawn il-korpi dixxiplinati se jgawdu minn żieda ta’ 23% fil-pensjoni tagħhom, jekk jaħdmu erba’ snin fuq il-25 sena servizz u wara 29 sena, lump sum ta’ sitt xhur paga bażika għal kull sena servizz jekk ikomplu sa massimu ta’ erba’ snin.   

Il-GWU temmen li dawn l-inizjattivi mill-Gvern, imħabbra mill-Ministru Byron Camilleri flimkien mal-Ministru Michael Falzon filwaqt li juru apprezzament għall-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema, għandhom iwasslu biex dawk li jinsabu fis-servizz jibqgħu attivi filwaqt li jħajru aktar ċittadini jidħlu jagħtu servizz f’dawn il-korpi ta’ dixxiplina. 

Filjiem li ġejjin il-GWU se tkun qed tiltaqa’ mal-Ministru Byron BCamilleri biex tiddiskuti d-dettalji ta’ dawn iż-żewġ skemi.