Matul il-ġimgħat li għaddew, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja attenda għall-Konferenza tal-International Labour Organisation dwar l-impatt u l-irkupru mill-pandemija tal-Covid-19. Waqt l-istess konferenza Bugeja indirizza wkoll il-plenarja. Huwa beda d-diskors tiegħu billi rrimarka li minħabba l-pandemija l-konferenza saret għall-ewwel darba b’mod virtwali però ħassu onorat li għamel id-diskors tiegħu bħala Delegat tal-ħaddiema Maltin. Il-konferenza wriet ir-reżiljenza tal-ILO u l-impenn ta’ kulħadd u li ħadd ma ħalla l-pandemija tal-Covid-19 ittellfu.
Josef semma r-rapport eċċellenti u estensiv tad-Direttur Ġenerali ‘Work in the time of Covid’, li jiffoka fuq il-ħidma li hemm bżonn issir u li tkun iċċentrata fuq il-bnedmin biex jirkupraw minn din il-kriżi li ħakmet lid-dinja kollha mingħajr l-ebda preċident.
Bugeja kwota dak li saħaq id-Direttur Ġenerali, “L-irkupru tal-Covid-19 għandu jkun iċċentrat fuq il-bnedmin u li biex ikun effettiv neħtieġu rispons globali li jindirizza l-faqar u l-inugwaljanzi, jippromwovi d-djalogu soċjali, isaħħaħ l-istituzzjonijiet tax-xogħol u jipproteġi l-ġustizzja soċjali.” Bażikament qal li huwa meħtieġ li naħdmu flimkien biex nirkupraw mill-Covid-19 mingħajr ma nħallu warajna lil dawk l-iżjed vulnerabbli u dawk li qegħdin fil-periferiji ta’ kull soċjetà.
Mill-bidu tal-pandemija mietu kważi 4 miljun persuna, 33 miljun spiċċaw bla xogħol, 81 miljun telqu s-suq tax-xogħol u 141 miljun ħadmu anqas siegħat u hemm min anke ma ħadem xejn. Fir-rigward tal-impjiegi dan juri li l-pandemija kellha impatt negattiv 4 darbiet akbar mill-kriżi finanzjarja tal-2008.
Apparti li ħarbtet il-ħajja soċjali, f’Malta l-pandemija fixklet b’mod sinifikanti l-ekonomija lokali speċjalment l-industrija tal-ospitalità u servizzi anċillari, l-industrija tal-avjazzjoni u s-settur tal-manifattura li huma essenzjali għall-ekonomija tal-pajjiż. Minkejja xi diffikultajiet li Malta ltaqet magħhom fil-bidu tal-kriżi, it-Trade Unions, min iħaddem, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-gvern ħadmu flimkien fi djalogu soċjali kostruttiv u rnexxielhom isibu soluzzjonijiet u arranġamenti kemm short term, kif ukoll medium term li l-għan tagħhom kienu biex jipproteġu s-saħħa tan-nazzjon, l-impjiegi u d-dħul tagħhom, u fl-istess ħin issalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
F’Marzu tal-2020 tnedew numru ta’ inċentivi finanzjarji biex jappoġġjaw lil dawk in-negozji u l-ħaddiema li l-iżjed kienu milquta mill-pandemija. Liema miżuri sa issa swew lill-pajjiż €2 biljun. Matul il-pandemija kien hemm madwar 85,000 impjegat fuq il-Covid Wage Supplement li qiegħda tiswa lill-Gvern mal-€40 miljun kull xahar. Apparti minn hekk ġew introduċuti leave speċjali tal-kwarantina bi ħlas, benefiċċji addizzjonali lil dawk il-persuni li spiċċaw bla impjieg, għotja ta’ kull xahar lil dawk il-ġenituri li kellhom jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb lil uliedhom taħt is-sittax-il sena. Għotja oħra lil dawk il-persuni b’diżabilità li ma setgħux jibqgħu jaħdmu, u għotja għal dawk il-ħaddiema li kienu vulnerabbli jew nisa tqal li ġew mitluba ma jirrapurtawx għax-xogħol, assistenza lill-pensjonanti u sussidji fuq il-kera. Ħafna ħaddiema bdew jaħdmu mid-dar meta l-uffiċċji u l-iskejjel għalqu. Filwaqt li ħaddiema oħrajn li xogħolhom huwa meqjus bħala essenzjali komplew imorru għax-xogħol però taħt protokolli restrittivi ġodda biex it-tixrid tal-pandemija jkun ikkontrollat.
Il-fatturi importanti wara s-suċċess li ħareġ mid-djalogu soċjali kienu, li min iħaddem irid iżomm lill-ħaddiema kollha u jibqgħu jħallsu parti mill-pagi tagħhom. It-Trade Unions f’isem il-ħaddiema qablu li jnaqqsu parti mill-pagi tal-ħaddiema, filwaqt li l-gvern joħroġ parti mill-paga u s-sussidji oħra. Wieħed ma jistax ma jsemmix li mhux l-employers kollha onoraw dan il-ftehim u ħallsu s-sehem tagħhom. Matul dan iż-żmien il-qgħad baqa’ fuq livell baxx ħafna filwaqt li l-proċess tat-tilqima kontra l-Covid-19 għadu għaddej b’ritmu tajjeb ħafna. Fil-fatt 60% tal-adulti Maltin huma mlaqqmin b’żewġ dożi u 78% ħadu doża waħda.
Josef saħaq li biex negħlbu din il-kriżi, hemm bżonn li nikkommettu ruħna għad-drittijiet fundamentali tad-dinja tax-xogħol, nibnu futur sostenibbli, inklużiv u reżiljenti biex ħadd ma jitħalla barra. L-imsieħba soċjali, il-gvernijiet, l-ILO u l-istituzzjonijiet multilaterali oħra għandhom bżonn jimmobilizzaw u jressqu strateġija globali b’saħħitha u koerenti favur l-irkupru ċċentrat fuq il-bnedmin. Din hija opportunità ta’ darba biex nindirizzaw l-inugwaljanzi, il-faqar, l-abbuż, in-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni tal-OHS u l-forom ġodda tax-xogħol. Flimkien nistgħu noħolqu dinja ta’ xogħol inklussiva u diċenti mibnija fuq il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u d-djalogu soċjali b’saħħtu.
Bugeja jagħlaq id-diskors tiegħu billi qal li hu konvint li flimkien nistgħu nirbħu.