Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Politika, Teknoloġija

Ftehim kollettiv ġdid għax-xufiera tal-membri tal-Ġudikatura

Ftehim bejn il-General Workers’ l-Union u l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xufiera tal-membri tal-Ġudikatura.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima George Zahra u minn James Cassar bħala rappreżentant tal-ħaddiema. F’isem l-Aġenzija ffirmat il-Kap Eżekuttiv Eunice Grech Fiorini.

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim, li jkopri s-snin 2020-2025, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Dr Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Zammit Lewis sostna li dawn l-impjegati għandhom xogħol sensittiv, bl-amministrazzjoni tapprezza s-sens ta’ dedikazzjoni għax-xogħol li dejjem urew. Huwa fakkar ukoll fil-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi li għandhom dawn l-impjegati u li dan il-ftehim ikopri.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Zammit Lewis irrimarka anke dwar l-apparenza professjonali ta’ dawn l-impjegati, iktar u iktar issa li f’dawn il-ġranet għadhom kif ingħataw uniformijiet ġodda mill-Aġenzija.

Huwa temm jirringrazzja lill-Industrial Relations Unit fi ħdan l-OPM, lill-GWU, lis-Segretarju Permanenti Johan Galea u lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati Eunice Grech Fiorini flimkien mal-Aġenzja nfisha għall-ħidma tagħhom sabiex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim.

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin spjega li x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema huwa wieħed li jirrikjedi dedikazzjoni u attenzjoni billi huma jassistu lill-membri tal-Ġudikatura.

Huwa rringrazzja lill-partijiiet kollha involuti, inkluż il-membri, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-IRU, il-maniġment tal-Qrati kif ukoll is-Segretarju Permanenti, biex seta’ jinkiseb l-aħjar pakkett għall-ħaddiema.

Source: inewsmalta.com.mt