Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Suċċess ieħor li se jkompli jibni fuq l-oħrajn ta’ qabel

It-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni  tal-General Workers’ Union (GWU) iffirmat ftehim kollettiv ġdid ieħor għall-ħaddiema tal-GO, waħda mill-kumpaniji ta’ telekomunikazzjonijiet ewlenin f’Malta. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, iddeskriva l-iffirmar ta’ dan il-ftehim bħala suċċess ieħor li se jkompli jibni fuq oħrajn li diġà saru fil-passat. Barra l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura, il-kumpanija GO qiegħda tirrrikonoxxi l-valur tal-ħaddiema tagħha billi tinvesti fihom fi ftehim kollettiv ġdid b’kundizzjonijiet ta’ xogħol u pagi aħjar tal-ħaddiema tagħha. 

“Mal-kumpanija GO għandna storja twila. Din il-kumpanija tirrikonoxxi li r-riżors uman huwa l-aqwa assett li għandha. Barra l-investiment li qiegħda tagħmel fl-infrastruttura tagħha, il-GO qiegħda tkompli tinvesti għax temmen li l-infrastruttura li għandha mingħajr ix-xogħol li jagħtu l-ħaddiema, l-investiment kollu li jkun qiegħed isir, ikun qiegħed isir għal xejn. Għalhekk, din il-kumpanija qiegħda tkompli tinvesti u tagħti l-valur lill-ħaddiema għax tassew temmen li l-aqwa assett li għandha huma proprju l-ħaddiema li jaħdmu magħha”. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tat-Taqsima, David Darmanin jinsab sodisfatt li għal darb’oħra l-GWU reġgħu laħqu ftehim mal-kumpanija GO biex isir ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema, liema ftehim se jkopri t-tliet snin li ġejjin. Darmanin qal li, “bħala kundizzjonijiet għall-ħaddiema erġajna tejjibnihom u anke żdiedu l-pagi”.

Huwa aċċenna għall-fatt li din il-kumpanija bħalissa, minħabba l-kompetizzjoni fis-settur, għaddejja minn investiment qawwi fil-fibre optics. Darmanin enfasizza fl-importanza ta’ dan l-investiment u sostna li huwa wkoll mertu tal-ħidma li jagħtu l-istess impjegati tal-GO. 

Dan is-Segretarju tat-Taqsima rringrazzja lill-kumitat tal-ħaddiema għall-appoġġ li tawh kif ukoll lill-management tal-kumpanija li kkopera bis-sħiħ biex b’hekk seta’ jimmaterjalizza ruħu dan il-ftehim kollettiv ġdid.

Ftehim kollettiv storiku 

Il-Kap Eżekuttiv tal-GO, Nikhol Patil, f’kumment li ta’ lil L-ORIZZONT qal li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid mal-GWU għall-ħaddiema tagħhom huwa wieħed “storiku”. Patil spjega l-importanza ta’ dan il-ftehim għax huma bħala kumpanija jemmnu li n-nies huma l-akbar assett li għandhom. “Biex nibnu negozju sostenibbli rridu ninvestu proprju fl-akbar assett tal-kumpanija, li huma l-impjegati tagħna. Dan il-ftehim kollettiv huwa x-xhieda ta’ dan,” iddikjara l-Kap Eżekuttiv tal-GO.

Għall-kumpanija GO tkellmet ukoll Sarah Mifsud, iċ-Chief People Officer. Filwaqt li Mifsud ikkonfermat li l-akbar investiment li l-GO trid tagħmel huwa fil-ħaddiema tagħha għax temmen fihom, hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-proċess li adottaw fl-iffirmar tal-ftehim kollettivi mal-GWU. 

Min-naħa tar-rappreżentati tal-GWU fost il-ħaddiema tal-GO kien hemm Miriam Curmi li bi tbissima qalet li tajjeb ħafna li reġgħu waslu għal ftehim kollettiv ġdid ieħor u żiedet tgħid li hija temmen li l-GO tagħmel minn kollox għall-benefiċċju tal-ħaddiema tagħha kif ukoll għall-operat b’suċċess tal-istess kumpanija.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm l-uffiċjali tal-GWU –  Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali, Victor Carachi, President, Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali u David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni; għall-kumpanija GO kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-GO, Nikhol Patil, Sarah Mifsud bħala ċ-Chief People Officer, Christine Apap, Senior Manager – People Operations u Maria Cutajar, Manager tar-Riżorsi Umani. Il-ħaddiema tal-GO li rrappreżentaw il-Unjin kienu Miriam Curmi, Adrian Saliba, Anne Marie Zarb u Brian Busuttil.