Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU u l-UHM qatt ma qablu li l-ħlas għandu jkun inqas mill-paga tal-individwu

Fid-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja l-unjins qatt ma qablu li l-ħlas għandu jkun inqas mill-paga tal-individwu. Dan intqal f’kumment konġunt mill-General Workers Union u mill-UHM Voice of the Workers b’reazzjoni għal dak li ntqal dan l-aħħar minn grupp ta’ organizzazzjonijiet f’ittra mibgħuta lill-ikbar żewġ unions tal-pajjiż, jiġifieri l-GWU u l-UHM Voice of the Workers. 

F’din il-korrispondenza dawn l-organizzazzjonijiet esprimew il-pożizzjoni tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva f’Malta li fiha hemm miżuri bħal leave u sick leave għall-ġenituri u l-carers ta’ qraba. 

Fir-reazzjoni tiegħu is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, spjega li din id-direttiva bdiet tiġi diskussa fl-ERB (Employment Relations Board) fl-2020. Huwa fisser li matul id-diskussjonijiet, it-trade unions kienu għamlu proposta flimkien fejn talbu li Malta timxi fuq il-mudell Nordiku. 

“It-trade unions talbu li l-ħlas għal kull ġurnata għandu jkun full pay u dan japplika kemm għall-parental, carer u paternal leave, skont il-paga tal-individwu. F’laqgħa li kienet saret fil-bidu ta’ din is-sena mal-Gvern, madankollu, baqa’ ma kienx hemm qbil bejn l-employers, il-Gvern u t-trade unions. It-trade unions qatt ma qablu li l-ħlas għandu jkun inqas mill-paga tal-individwu. Min-naħa tiegħu, il-Gvern iddikjara li dan huwa biss il-bidu ta’ xi ħaġa aktar fejn qiegħed joħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal kwalità aħjar biex ikompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema,” spjega s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers, Josef Vella, filwaqt li kkonferma li din kienet il-pożizzjoni meħuda mill-unions fid-diskussjonijiet sostna li min verament kellu interess f’din il-kwistjoni kien imissu ħa sehem attiv sa mill-bidunett u mhux f’dan l-istadju. 

“Kont nistenna li jekk hemm xi għaqda li għandha interess f’direttiva, tieħu inizjattiva mill-bidu, titlob li tiltaqa’ mal-partijiet soċjali involuti fil-bidu tal-proċess biex tkun tista’ tressaq l-ideat tagħha u mhux toħroġ tagħti r-reazzjoni wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-UHM.  

Kemm il-GWU, kif ukoll il-UHM, iċċaraw ukoll li l-aħħar laqgħa li saret dwar din id-direttiva tmur lura  għall-bidu ta’ din is-sena. Madankollu assiguraw li bħala trade unions, huma għadhom bil-ħsieb li l-ħlas ta’ dan il-leave jiżdied. 

X’qalu l-għaqdiet…

Fl-ittra mibgħuta s-sitt għaqdiet wegħdu l-appoġġ sħiħ tagħhom għat-talba li jingħad li se jagħmlu l-unjins lill-Gverrn biex ikun hemm konsultazzjoni wiegħsa u titjib sinjifikanti fil-liġi. Huma saħqu li għandhom jidħlu fis-seħħ miżuri favur bilanċ bejn ix-xogħol u l-familji li verament jagħmlu differenza fil-ħajja tal-ħaddiema u fis-soċjetà.

L-għaqdiet li huma – il-Moviment Graffiti, il-Malta Women’s Lobby, il-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD), in-National Parents’ Society Persons with Disability (NPSPD), il-Women’s Rights Foundation u l-Aditus Foundation –  qalu li, “bl-eċċezzjoni tal-għaxart ijiem leave tal-paternità mħallsa bis-sħiħ, il-miżuri kollha l-oħra huma dgħajfa mmens. Mill-erba’ xhur leave tal-ġenituri, xahrejn biss se jkunu mħallsa u b’rata miżera ta’ sick pay, €21.85 kull ġurnata. Għalhekk ftit huma l-ġenituri ħaddiema li se jkunu jistgħu jaffordjaw jużaw dan il-leave”. 

Huma qalu li wieħed mill-għanijiet tal-leave tal-ġenituri bi ħlas huwa li l-irġiel jiġu inċentivati jagħmlu użu minnu biex ir-responsabbiltajiet familjari jitqassmu b’mod aktar ugwali bejn is-sessi “għan li żgur mhux se jintlaħaq minħabba r-rata baxxa ħafna li se jitħallas biha dan il-leave. Barra minnhekk, il-fatt li dan il-leave ma jistax jittieħed kollu f’daqqa (jista’ jittieħed xahar biss sakemm it-tfal ikollhom erba’ snin) ifisser li l-ġenituri mhumiex se jkunu jistgħu jużawh meta l-iktar għandhom bżonnu”.

L-għaqdiet lmentaw għall-fatt li l-leave għall-persuni li jindukraw (carers’ leave) – li huwa ta’ ħamest ijiem biss fis-sena biex ħaddiema jieħdu ħsieb persuni fil-kura tagħhom – mhux se jkun imħallas. Semmew ukoll id-dritt li l-ħaddiema jitolbu arranġament tax-xogħol flessibbli minn min iħaddem, kif introdott bl-Avviż Legali, fejn jemmnu li dan mhu se jħalli “kważi ebda impatt” għax m’hemm ebda obbligu li dawn it-talbiet jintlaqgħu f’ċerti ċirkostanzi jew taħt ċertu kundizzjonijiet.