Written by Aħbarijiet, Artikli, Il-Union

Ir-Relevanza tal-Union fl-ekonomija tal-lum

L-impjiegi f’Malta żdidu fit-Tieni Gwerra Dinjija meta l-gvern Brittaniku beda jħaddem ħafna Maltin ġewwa t-tarzna. L-Ingliżi kienu jittrattaw lill-ħaddiema Maltin b’mod abbużiv. Dan wassal lil Reggie Miller jikkonvinċi numru żgħir ta’ ħaddiema biex jingħaqdu flimkien u jaħdmu għad-drittijiet tagħhom u biex itejbu l-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol.

Mill-1943 sal-lum inbiddlu ħafna affarijiet relatati mal-postijiet tax-xogħol u x-xogħlijiet fil-gżejjer tagħna. Ix-xogħol manwali ma għadux jiddomina l-industrija Maltija. Illum il-ġurnata 56% tal-ħaddiema huma professjonisti fil-qasam tas-servizzi.

L-iżjed industrija b’domanda kbira għall-ħaddiema huma kumpaniji tal-gaming, kumpaniji finanzjarji, farmaċewtiċi, turistiċi u dawk legali. Web Designers u IT Specialists xejn anqas. Dawn ix-xogħlijiet jirrikjedu persuni speċjalizzati fis-suġġett li huwa possibbli bi snin twal ta’ studju u taħriġ. Dawn il-ħaddiema u ħaddiema oħrajn bħal avukati u nutara jissejħu professjonisti.

Il-Union l-ewwel li fetħet il-bibien tagħha kienu għall-ħaddiema manwali. Għalkemm illum il-ġurnata hawn iżjed ħaddiema professjonisti minn dawk manwali, però l-Union baqgħet dejjem tikber u tevolvi. Dan kien possibbli għaliex matul is-snin addattat għall-bidliet u għadha tagħmel l-istess sal-lum il-ġurnata. Illum il-ġurnata l-profil tal-membru nbidel kompletament. Għandha persentaġġ għoli ta’ membri li huma professjonalisti u n-numru qiegħed dejjem jikber. 30% tal-membri huma nisa, madwar 5,000 membru li ġejjin minn pajjiżi terzi, u għandna oħrajn ġejjin mill-pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Matul dawn ix-xhur tal-pandemija rajna żieda ta’ ħaddiema jissieħbu minħabba abbużi li bdew issofru fuq il-post tax-xogħol li ma kinux organizzati fi ħdan il-Union.

Dan iż-żmien tant delikat u sensittiv qed jiddefinixxi l-kobor tal-GWU hekk kif qiegħda tkun proattiva u taħdem biex dak miksub matul iż-żminijiet ma jispiċċax jintilef. F’kull kriżi ż-żgħir għandu bżonn aktar min jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jipproteġih minn abbużi. Barra hekk diversi drabi apparti ħafna ħaddiema, anke employers qed iduru fuq l-Union biex jistaqsu dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Il-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ xogħol ġab ukoll domanda ġdida għas-servizzi tal-Union.

Irrevelanti jekk ix-xogħol ikunx manwali jew professjonali, kull xogħol jista’ jġib miegħu abbużi fuq il-ħaddiema; pagi baxxi, kundizzjonijiet ħżiena, diskriminazzjoni, abbużi sesswali u emozzjoni, fost ħafna oħrajn. Kull xogħol jeħtieġ responsabbiltajiet differenti. Fost il-ħafna sfidi li joħloq ix-xogħol, ix-xogħlijiet manwali jistgħu jikkawżaw problemi fiżiċi. Mill-banda l-oħra xogħlijiet professjonali jistgħu jwasslu għall-eżawriment mentali.

Studji juru li 53% tal-ħaddiema professjonisti jbatu minn stress fi żmien jew ieħor matul l-impjieg tagħhom. Persentaġġ minnhom jispiċċaw jiddependu fuq ix-xorb. Is-sitwazzjoni hija iżjed inkwetanti meta ssir taf li numru minn dawn il-ħaddiema jispiċċaw anke jabbużaw minn sustanzi illeġali biex jippruvaw itaffu t-tbatija mentali li jkunu ġħaddejjin minnha. Dawn il-ħaddiema jitqiegħdu taħt pressjoni kbira biex jilħqu mira ogħla.

Ix-xogħlijiet inbiddlu u magħhom inbiddlu r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet. Ħafna jaħsbu li l-professjonisti m’hemmx għalfejn ikunu f’Union. L-irwol tal-Union hija li tipproteġi lil kulħadd. Il-Union għandha snin twal ta’ esperjenza u taf il-liġijiet industrijali kollha apparti li taħdem ma’ entitajiet varji u taf minn fejn għandha tgħaddi biex toffri l-aħjar li tista’ lil kulħadd.

Għaliex għandek tgħaddi s-snin tal-ħidma tiegħek f’kundizzjonijiet ħżiena u m’intix stmat tajjeb? Taf li ħaddiema oħra li qed jagħmlu l-istess xogħol tiegħek huma mħallsin iżjed minnek. Għaliex wara snin twal ta’ studju biex tilħaq il-grad li dejjem xtaqt tispiċċa frustratt bl-għażla li għamilt? Għaliex għandek tqatta’ ħajtek teżisti u mhux tgħix. Dan kollu jista’ jwassal biex anke jaffettwalek il-ħajja personali u familjari tiegħek.

B’mod organizzat il-Union taħdem għal kull ħaddiem skont il-post tax-xogħol u r-responsabbiltajiet li jġib miegħu. Eżempju bażiku huwa l-ħaddiema ma jkunux jafu jekk humiex intitolati għal xi allowances skont in-natura tax-xogħol tagħhom.

Is-servizzi li toffri l-Union huwa varji u huma offruti lill-membri kollha, kemm dawk professjonali u anke manwali;

  • Negozjar kollettiv fuq paga u kundizzjonijiet 
  • Involviment dirett fil-bidliet li jseħħu fil-postijiet tax-xogħol. 
  • Parteċipazzjoni sħiħa fit-tfassil tal-politika tal-Union
  • Pariri u servizzi legali
  • Rappreżentazzjoni personali u kollettiv
  • Saħħa u sigurtà
  • Ugwaljanza
  • Stabbilità fuq il-post tax-xogħol
  • Taħriġ kontinwu
  • Valur għall-menswalità tiegħek
  • Inizjattivi ta’ taħriġ għall-membri – noffru aktar minn 60 kors akkreditati minn żewġ istituzzjonijiet

Fid-dinja tax-xogħol moderna l-kumpaniji qegħdin dejjem jaraw kif ħa jagħmlu iżjed xogħol b’anqas ħaddiema. Apparti minn hekk it-teknoloġija qiegħda tkompli tavvanza. Dan qed iwassal għal telf ta’ diversi xogħlijiet għaliex it-teknoloġija qiegħda tieħu post diversi ħaddiema u xogħlijiet. Mill-banda l-oħra l-Union toffri protezzjoni, stabilità u serħan il-moħħ f’kull industrija.

Il-Union dejjem taħdem biex tkompli toffri iżjed drittijiet lill-ħaddiema u ttejjeb il-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. Dan iwassal ukoll għal titjib fil-kwalità tal-ħajja personali tal-ħaddiema u l-familjari tagħhom;

  • Id-dritt li taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol (#therighttodisconnect)
  • Paga ugwali għal xogħol tal-istess valur
  • Id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
  • Living income
  • Pay Transparency
  • Differenza fil-paga bejn is-sessi (gender pay gap)
  • Id-dritt li l-ħaddiema kollha jkunu membri f’Union tal-għażla tagħhom
  • Ħaddiema jaħdmu fuq pjattaformi (apps)

L-unità u d-diversità huma żewġ valuri important ħafna għall-Union. “L-unità hija s-saħħa u d-diversità hija l-qawwa tagħna.” Hekk temmen Kamala Harris, l-ewwel Viċi President feminili Amerikana.

Krystabel Galea