Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Home, Kummerċ, Politika

Il-GWU tiddikjara tilwima industrijali

It-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi tiddikjara tilwima industrijali favur il-membri tagħha ġewwa d-Dwana minħabba illi l-Ftehim Kollettiv mhux qiegħed jiġi rrispettat.

Uħud mill-Uffiċjali tad-Dwana mhumiex qegħdin jitħallsu skont il-ftehim illi kien intlaħaq bejn il-partijiet kollha rispettivi. Il-GWU avviċinat lill-entitajiet ikkonċernati però minħabba li ma nbidel xejn il-GWU ma kienx fadlilha alternattiva oħra ħlief li tiddikjara tilwima industrijali illi bdiet fid-29 ta’ Jannar.

Il-GWU żiedet tgħid illi tirriserva d-dritt li tieħu Azzjoni Industrijali għax temmen li l-ħaddiema membri bi dritt li jitħallsu kif suppost għax-xogħol illi huma qegħdin jagħmlu.

Wara dan kollu d-Diriġenti tad-Dwana kkuntatjaw lil GWU u ssuġġerew illi din is-sitwazzjoni għandha tiġi rreferita lill-Bord tal-Konċiljazzjoni. Is-Segretarju, Kendrick Bondin, saħaq li din it-Taqsima tal-GWU ser tkun qed tattendi għal din il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni bejn il-partijiet kollha u ser tkun qed tara li l-fteħim settorali kurrenti jkun rispettat.