Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU – Għaqda Pensjonanti f’laqgħa mal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia

Il-GWU – Għaqda Pensjonanti ltaqet mal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Waqt il-laqgħa ġew diskussi diversi suġġetti u kienu mressqin numru ta’ proposti, fosthom biex issir sezzjoni speċjali tal-Parlament dwar l-anzjani.

Matul il-laqgħa ngħatat importanza s-solitudni li l-anzjani jgħaddu minnha fis-silenzju u li hemm bżonn li tingħata iżjed attenzjoni b’mod urġenti. L-Għaqda tal-Pensjonanti għaddiet proposta biex l-Ispeaker jiġi mistieden u jindirizza diversi laqgħat edukattivi għall-anzjani li l-Għaqda torganizza minn żmien għal żmien. Apparti minn hekk ġiet diskussa wkoll il-possibilità li jiġu organizzati tours ġewwa l-Parlament għall-membri tal-istess Għaqda.

L-Ispeaker saħaq li jifhem perfettament kemm hu importanti li ż-żgħażagħ tal-lum jagħrfu kemm huma essenzjali l-esperjenzi li l-anzjani kisbu matul is-snin. Esperjenzi li huma ta’ valur siewi għas-soċjetà. Huwa rringrazzja lill-Għaqda Pensjonanti tax-xogħol kollu li jagħmlu favur il-familji Maltin speċjalment għall-anzjani u d-drittijiet tagħhom.

Fil-laqgħa mal-Ispeaker Anġlu Farrugia kien hemm is-Segretarju tal-Għaqda Tony Zarb, il-President Lino Debono u l-Assistant Segretarju Joseph Sapiano.