Written by Artikli, Assoċjazzjoni Pensjonanti, Gvern u Entitajiet Pubbliċi, GWU Żgħażagħ, Il-Union, Kimika u Enerġija, Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurta u tal-Infurzar tal-Liġi, Marittima u Avjazzjoni, Metall u Kostruzzjoni, Ospitalita` u Ikel, Professjonisti, Finanzi u Servizzi, Sezzjoni Internazzjonali, Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni

Il-GWU u l-irwol tagħha

Min aħna? 

Il-General Workers’ Union hija l-akbar Trade Union f’Malta, bl-akbar ammont ta’ membri li ġejjin minn kull settur tal-ekonomija. Matul iż-żminijiet Malta affaċċjat ħafna sfidi u l-GWU xejn anqas. Però l-Union minn dejjem tat prijorità lill-għan ewlieni tagħha illi dejjem iġġib l-interess tal-ħaddiema l-ewwel u qabel kollox u tagħtihom vuċi. Huwa minħabba f’hekk baqgħet dejjem tevolvi u tikber.

X’inhu l-irwol tal-General Workers’ Union? 

Il-General Workers’ Union minn dejjem ħarset u ddefendiet l-interessi tal-ħaddiema. Fl-1943 kienet l-unika protezzjoni għall-impjegati kontra l-inġustizzji u l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol. Matul is-snin dejjem ħadmet  biex  ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kemm fil-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll barra l-post tax-xogħol. Mhux dejjem kien faċli. Kien hemm mumenti meta l-ħaddiem kellu joħroġ fuq strajk biex it-talbiet ġustifikati tiegħu jiġu milqugħa. Kien hemm okkażjonijiet oħra fejn kellu jinżel fit-triq biex il-vuċi tiegħu tasal għand l-awtoritajiet. Irwol ieħor tal-General Workers’ Union fuq skala Nazzjonali huwa dak ta’ sħab soċjali ewlieni bil-għan li tħalli impatt pożittiv fis-soċjetà Maltija.       

Kif bdiet il-GWU? 

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija Malta kienet kolonja tal-Ingliżi u minħabba l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħha aħna servejna bħala l-bażi militari għall-qawwa tal-arju u tal-flotta Brittanika. Dan kollu ġab ħafna xogħol fil-gżira tagħna. Però sfortunatament il-Maltin ma kinux stmati tajjeb u kienu qegħdin ibatu l-faqar. Reggie Miller kien issuġġerrixxa li l-ħaddiema għandhom jingħaqdu f’Union biex itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom. Dak kien il-bidu tal-General Workers’ Union illi nafu biha llum. 

Kif evolvejna? 

Bħala organizzazzjoni favur il-ħaddiema l-mira tagħna dejjem kienet illi nilqgħu kull individwu illi jkollu bżonn l-għajnuna tagħna. Dan kien possibbli għaliex bħala Union aħna ħdimna biex nibqgħu nestendu l-għarfien tagħna skont iż-żminijiet. Aħna bqajna nikbru għaliex bqajna nevolvu skont in-natura tal-industriji u ħdimna biex nibqgħu dejjem nintroduċu drittijiet ħodda biex il-ħaddiema ikollhom bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħin personali tagħhom. 

Bħalissa qegħdin naħdmu bla waqfien sabiex Malta ddaħħal il-liġi l-ġdida tad-dritt li taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol (the right to disconnect), paga ugwali għal xogħol tal-istess valur, id-direttiva dwar il-bilanc bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, living income, pay transparency, differenza fil-pagi bejn is-sessi (gender pay gab) u nimmitigaw l-effett tal-Covid fuq il-ħaddiema. Aħna dejjem emminna li biex il-ħaddiema jagħtuk l-aħjar xogħol possibbli jridu jkunu motivati u jipparteċipaw b’mod sħiħ fit-tmexxija. Matul is-snin il-GWU żiedet ħafna drittijiet lill-ħaddiema u tibqa’ dejjem taħdem biex ittejjeb il-ħajja tagħhom. Il-Union tisħaqq illi l-ħaddiema għandhom bżonn il-mistrieħ biex ikollhom l-enerġija jagħmlu xogħolhom b’determinazzjoni u responsabbiltà.

Is-sezzjonijiet

Bħalma diġà semmejna l-GWU baqgħet tevolvi għaliex dejjem rat kif iż-żminijiet qegħdin jinbidlu. Il-GWU tikkonsisti minn diversi sezzjonijiet li jirrappreżentaw setturi tal-ekonomija Maltija.  Kull sezzjoni għandha Segretarju illi huwa responsabbli mis-sezzjoni tiegħu u mill-industriji li jaqgħu taħt l-istess sezzjoni. Il-GWU tikkonsisti minn tminja (8) taqsimiet; Kimika u Enerġija, Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, Marittima u Avjazzjoni, Ospitalità u Ikel, Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi, Metall u Kostruzzjoni, u Professjonisti, Finanzi u Servizzi. Apparti minn hekk fi ħdan il-GWU hemm żewġ għaqdiet tal-Pensjonanti u taz-Żgħażagħ għaliex kull individwu għandu d-dritt illi jkun protett u jekk għandu bżonn is-sapport jaf fejn għandu jirrikorri. Il-Union toffri servizz aħjar għandna wkoll uffiċċju ġewwa Għawdex biex il-membri tagħna jinqdew aħjar. Għandha wkoll Segretarju Internazzjonali li jirrappreżenta l-GWU fl-Istuzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-GWU, kemm bħala organizzazzjoni sħiħa, kif ukoll kull din l-istess taqsima huma rrappreżentati fuq livell Ewropew u Internazzjonali. Barra minn hekk, minħabba li l-akbar komunità mill-Ewropa, hija dik Taljana ħloqna punt ta’ kuntatt bi sħab ma’ CGIL biex inkunu nistgħu nagħtu servizz lill-ħaddiema Taljani li jaħdmu u jgħixu Malta. 

Kif taħdem?

Jekk għandek ʼil fuq minn 16-il sena tista’ tissieħeb fil-General Workers’ Union billi timla l-formola b’mod elettroniku

Minn hemmhekk ʼil quddiem tkellem magħna jekk ikollok xi problema fuq il-post tax-xogħol u aħna nagħmlu minn kollox biex nipproteġuk u nagħtuk l-għajnuna kollha li jkollok bżonn.

Għaliex għandek tkun membru?

Fl-għaqda hemm is-saħħa. Individwu waħdu ftit jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Imma s-saħħa ta’ ħafna individwi flimkien tagħmel id-differenza. Matul iż-żminijiet il-GWU f’kull post ta’ xogħol ġabet titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Iddefendejna eluf ta’ membri minn abbużi u sfruttar, ġibna investiment barrani u ħloqna diversi impjiegi u ġibna miljuni f’żidiet. Il-GWU temmen illi l-ħaddiema għandhom jiffokaw l-enerġija tagħhom fuq ix-xogħol. L-ebda individwu ma għandu jħossu fil-periklu jew mhux stmat kif suppost. Issieħeb membru llum u aħna nkunu miegħek f’kull sitwazzjoni illi tiltaqa’ magħha.

  X’tip ta’servizzi noffru?

  • Negozjar kollettiv fuq paga u kundizzjonijiet 
  • Involviment dirett fil-bidliet li jseħħu fil-postijiet tax-xogħol. 
  • Parteċipazzjoni sħiħa fit-tfassil tal-politika tal-unjin 
  • Pariri u servizzi legali
  • Rappreżentazzjoni personali u kollettiv
  • Saħħa u sigurtà
  • Ugwaljanza
  • Stabbilità fuq il-post tax-xogħol
  • Taħriġ kontinwu
  • Valur għall-menswalità tiegħek
  • Inizjattivi ta’ taħriġ għall-membri – noffru aktar minn 60 kors akkreditati minn żewġ istituzzjonijiet