Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Inawgurat l-uffiċċju l-ġdid tal-POU-GWU

Ġie inawgurat uffiċjalment l-uffiċċju l-ġdid tal-Police Officers Union fi ħdan il-General Workers’ Union (POU-GWU) fil-Floriana. Dan l-uffiċċju, li jinsab bejn il-pompa tal-petrol u d-daħla tal-garaxx tal-pulizija, huwa miftuħ fil-jiem ta’ matul il-ġimgħa.

Fl-ewwel kummenti tiegħu ma’ dan il-ġurnal, il-President tal-POU-GWU Ray Zammit irringrazzja lil dawk kollha involuti li għenu sabiex din l-unjin tal-pulizija issa mxiet f’uffiċċju ieħor li huwa aktar ċentrali u aċċessibbli għall-pulizija. 

Huwa spjega kif dan l-uffiċċju jinsab viċin il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u dan jagħmilha aktar faċli għall-membri tal-istess union sabiex jieqfu u jitkellmu magħhom dwar xi problemi li jista’ jkollhom. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li dan huwa tragward ieħor importanti milħuq mill-POU-GWU. Qal li dan juri l-impenn tal-GWU flimkien mal-POU biex tkompli titjieb il-ħidma tal-korpi dixxiplinati, f’dan il-każ il-Korp tal-Pulizija.

Huwa nnota li din l-inawgurazzjoni qiegħda ssir ftit jiem wara li ntlaħaq qbil mal-unjins tal-pulizija fosthom il-POU-GWU, sabiex ġew imtejba l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-pulizija.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja kif ukoll uffiċjali oħra tal-POU-GWU.

Sadanittant, il-ġimgħa d-dieħla, il-POU-GWU se tkun qiegħda torganizza wkoll open week għall-membri tagħha fil-ħin ta’ bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar.