Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tordna azzjonijiet industrijali fl-Energy and Water Agency (EWA) dwar il-Ftehim Kollettiv

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, tal-General Workers’ Union iddikjarat numru ta’ azzjonijiet industrijali fl-Energy and Water Agency wara nuqqas ta’ qbil dwar il-Ftehim Kollettiv.

Dawn l-azzjonijiet industrijali huma dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment dwar ir-reviżjoni tal-pakkett finanzjarju, liema reviżjoni għandha tirrifletti l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja għall-2024.

Il-GWU bdiet id-diskussjoni dwar il-ftehim lura f’April tal-2022, waqt li fil-21 ta’ Awwissu li għadda kienet iddikjarat tilwima industrijali. Fil-25 ta’ Settembru li ghadda f’laqgħa ta’ medjazzjoni quddiem id-DIER, il- Maniġment tal-EWA qabel li jirrevedi u jippreżenta lill-GWU proposta finanzjara għall-Ftehim Kollettiv u sussegwentament, fit-12 ta’ Ottubru saret ukoll laqgħa bejn iż-żewġ partijiet.

Wara t-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU iddiskutiet internament il-proposta tal-Maniġment fejn talbitu jirrevedi dawn it-termini u kundizzjonijiet, inkluż ir-reviżjoni tal-pakkett finanzjarju biex ikun jirrifletti l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja tal-2024.

Imma billi sal-lum għadu ma ntlaħaqx ftehim mal-Maniġment, il-GWU ma fadlilha l-ebda triq oħra għajr li tiddikjara azzjoni industrijali li tibqa’ fis-seħħ għal żmien indefinit sakemm ikun hemm l-iżviluppi mixtieqha. B’din l-azzjoni li tidħol fis-seħħ min-nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Novembru, il-membri huma ordnati biex ma jwieġbu għall-ebda komunikazzjoni b’kull mezz, fosthom telefonati, emails jew mezzi oħra.