Workers' Memorial, Msida

Written by Aħbarijiet, Bla Kategorija, Dinja u Kronika, Ġrajja, Il-Union, Politika

Jum il-Ħaddiem: Messaġġ mill-President tal-GWU

Is-Sena 2020 se tibqa’ mfakkra għal għexieren ta’ snin li ġejjin u se tinżel fl-istorja bħala s-sena meta n-nies f’ħafna pajjiżi kienu taħt theddida pandemika serja u meta l-ekonomija globali waqqfet zopptu. It-theddida tal-pandemija globali minn virus fatali ma kinitx kwistjoni dwar jekk hux ha tfaqqa, iżda pjuttost kwistjoni ta’ meta. Kien hemm viruses oħra fil-passat riċenti li potenzjalment setgħu kellhom l-istess effetti qerrieda, jekk mhux aktar fatali, bħall-Avian Flu (H5N1), SARS, MERS, u l-Ebola. Fortunatament għall-umanità dawn ġew ikkontrollati jew permezz ta’ trattament bl-użu ta’ antivirals jew aħjar permezz ta’ tilqim f’xi każijiet.

Il-virus, Covid-19 (coronavirus) li l-ewwel ħareġ fil-belt ta’ Wuhan, iċ-Ċina ħa lil ħafna pajjiżi b’sorpriża u mhux ippreparati. Fi ftit ġimgħat kienu qed jiġu rrappurtati mwiet f’ħafna pajjiżi, bl-ogħla rati ta’ mewt u infezzjonijiet jiġu rreġistrati mill-Italja u Spanja. Fortunatament għalina l-Awtoritajiet tas-Saħħa f’Malta ħadu l-passi kollha neċessarji biex itaffu din it-theddida, tant hu hekk, li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) semmiet lil pajjiżna bħala mudell. Sfortunatament, 4 persuni mietu sa issa minħabba dan il-virus, iżda jidher li aħna mhux biss żammejna l-kurva baxxa, iżda wkoll kemm jista’ jkun qeghdin inżommuha dejjem baxxa. Madankollu, din it-theddida għadha ma ntemmitx. Irridu nibqgħu viġilanti u nkomplu nsegwu l-linji gwida maħruġa minn żmien għal żmien mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-President tal-GWU, Victor Carachi

Mill-perspettiva ekonomika, is-sitwazzjoni hija delikata ħafna. Is-settur tat-turiżmu jinsab f’qagħda wieqfa. Il-Lukandi, Bars u Ristoranti kollha huma kompletament magħluqa ħlief għal dawk ir-ristoranti li joffru servizz ta’ take-away. Setturi oħra wkoll ġew affettwati. Xi wħud bl-għeluq komplet jew joffru servizz limitat ħafna. Filwaqt li l-qasam tal-kostruzzjoni għadha għaddejja, għalkemm b’pass aktar bil-mod, is-suq tal-propjetà min-naħa l-oħra jinsab kważi wieqaf. Min-naħa l-oħra, il-manifattura, is-supermarkets, ħwienet tal-merċa, u l-industriji oħra relatati mal-ikel inkluż l-agrikoltura, jidhru li sejrin pjuttost tajjeb.

F’dan ix-xenarju l-gvern irid ukoll ikun ikkomplimentat li ntlaħaq ftehim mas-sħab soċjali kollha rappreżentati fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) bl-iffirma tal-Patt Soċjali storiku. Dan il-Patt Soċjali, jiżgura li l-impjegati kollha, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom, li ġew affettwati mill-għeluq totali jew parzjali, jibqgħu jirċievu paga soċjali li hija ogħla mill-paga minima. M’hemmx għalfejn ngħidu li l-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-aħħar 7 snin kienu indispensabbli għall-gvern biex ikun jista’ joħroġ bil-Patt Soċjali li kien kredibbli u li kellu miżuri sostenibbli biex jgħin l-industrija u l-impjiegi. Dan żgur se jiżgura li ladarba l-miżura restrittiva introdotta għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus titneħħa, l-ekonomija tagħna terġa’ taqbad ir-ritmu.

Wieħed kien jaħseb li din it-theddida għas-saħħa u s-sigurtà tagħna ġġib il-gvern, l-oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali u l-NGOs kollha magħqudin flimkien. L-għeluq tal-ajruport u l-portijiet kien meħtieġ biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-infezzjoni fost il-popolazzjoni lokali. Il-fatt hu li qed ikunu salvati l-ħajjiet speċjalment fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Xi kultant għażliet iebsa jridu jsiru speċjalment meta nitħallew waħedna minn UE ineffettiva biex tittratta l-gwerra fil-Libja. Il-kaos fil-Libja seħħ minħabba r-Renju Unit u minħabba Franza, bl-appoġġ tal-Istati Uniti. Issa dawn il-pajjiżi ma jridx ikollhom x’jaqsmu xejn ma’ din it-traġedja peress li mhix qed issir f’pajjiż ġirien tagħhom! Malta, partikolarment il-FAM, għamlu ħafna biex isalvaw il-ħajjiet tal-immigranti u ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil, li jirriskjaw ħajjithom minħabba nuqqas ta’ protezzjoni u ħajja aħjar. Kien tabilħaqq traġiku u kompletament diżonest għall-NGO – Repubblika li tressaq investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, u l-ekwipaġġ tal-patrol boat, mingħajr lanqas jistabbilixxu l-fatti bażiċi! Din l-NGO jekk trid tassew turi l-impenn tagħha biex ikunu salvati l-ħajjiet u tassew tagħti xhieda ta’ dak li jirrappreżenta isimha, għandha tisħaq fuq l-uffiċjali tal-kummissjoni tal-UE u l-membri tal-Parlament Ewropej, li jiġu Malta jżuruna, biex tinstab soluzzjoni għall-gwerra fil-Libja u l-konsegwenzi traġiċi tagħha. Dan huwa kif jistgħu juru li għandhom għal qalbhom li jkunu salvati l-ħajjiet, hekk kif il-paċi u l-istabbiltà fil-Libja jtemmu din it-tbatija kollha!