Ftit tal-ġranet oħra se jigi mfakkar it-63 anniversarju tal-Istrajk Ġenerali li sar fit-28 ta’ April, 1958. Kien proprju l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU li f’laqgħa li saret nhar il-25 ta’ April, 1958 li ddeċieda li l-GWU għandha ssejjaħ Strajk Ġenerali tlitt ijiem wara għat-28 ta’ April.
Fil-ġurnata tal-Istrajk minn filgħodu kmieni deher li l-ħaddiema kienu se jwieġbu bis-saħħa kollha għas-sejħa tal-GWU u dan meta l-pajjiż qam ipparalizzat. Kienu ħaddiema u ħafna żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħala u mingħajr biża’ u b’militanza kbira ġo fihom ħarġu ma’ Malta kollha jipprotestaw.
Kienet ġurnata fejn il-ħaddiema mmexxija mill-GWU u anki bl-għajnuna tal-Partit Laburista ddominaw il-ġurnata. Dakinhar il-ħaddiema kienu deċiżi li jibagħtu messaġġ ċar lill-ħakkiema Ingliżi li ż-żmien tagħhom f’Malta kien se jibda jiġi magħdut. Matul il-ġurnata l-ħaddiema ffaċċjaw il-qilla tal-Pulizija li dak iż-żmien kienu jgħidu li huma jgħaqdu lir-Reġina, iżda l-ħaddiema ma beżgħux mill-qilla tal-Forzi tal-Ordni.
L-Istrajk wassal biex ħafna ħaddiema u uffiċjali ġew arrestati iżda mhux biss għax saħansitra numru minnhom intefgħu l-ħabs. Hawn min jgħid li l-ġurnata tat-28 ta’ April, 1958 kienet ġurnata sewda għal Malta. Mhux l-istess kienet għall-ħaddiema u l-GWU għax dik il-ġurnata kienet is-saħħa li wera l-ħaddiem u kienet il-bidu tal-ħelsien mill-ktajjen tal-barrani.
Biex tfakkar l-Istrajk tat-28 ta’ April u l-aktar lil dawk kollha li ġew arrestati u ntbagħtu il-ħabs, il-GWU nhar il-ħamis, 28 ta’ April, 2015 kixfet mafkar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid. Dan kien wieħed mill-postijiet fejn kienu saru l-irvellijiet u dan il-mafkar sar biex din il-ġrajja glorjuza għall-GWU u għall-ħaddiema, li għal ħaddieħor kienet ġurnata sewda, tibqa’ tiġi mfakkra.
L-Għaqda pensjonanti ssellem li dawn l-Eroj kemm dawk li llum huma mejta u kemm dawk li għadhom ħajjin u li llum huma pensjonanti għall-kuraġġ li wrew. L-Għaqda Pensjonanti tappella biex dan l-anniversarju jibqa’ jiġi mfakkar kull sena.
L-Interdett u l-GWU
Ftit tal ġranet ilu ġie mfakkar is-sittin sena minn meta l-Knisja Maltija taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Mikiel Gonzi kienet ħarġet l-interdett. L-għan kien li jfixkel lill-Partit Laburista milli jkun fil-Gvern. Dan kien episodju iswed għall-Knisja Maltija u għal Malta fejn ħafna nies ta’ twemmin Laburista kellhom jgħaddu minn kalvarju sħiħ. Kienu diversi membri tal-Kunsill Nazzjonali u membri ta’ diversi Eżekuttivi tat-Taqsimiet tal-GWU li ngħataw l-interdett.
Tony Zarb, eks Segretarju Ġenerali jirrakonta li fl-ewwel laqgħa li kellu mal-eks Segretarju Generali, Joe Attard Kingswell ftit wara li Tony laħaq Segretarju Ġenerali, Kingswell kien irrakkuntalu fost ħafna affarijiet oħra, li fiż-żmien l-interdett kien bagħat għalih l-Arċisqof Gonzi fejn qallu li kien se joħroġ l-interdett fuq il-ġurnali tal-GWU. Zarb jirrakkonta li Kingswell qallu li kien jaf minn qabel għaliex l-Arċisqof Gonzi kien se jibgħat għalih u għalhekk mar ippreparat.
Xħin l-Arċisqof qal lil Kingswell x’kien ser jagħmel, minn envelop kbir ħareġ il-kotba tax-xogħol tal-ħaddiema li kienu jaħdmu fl-istamperija tal-Union u qal lil Gonzi; “li toħroġ l-Interdett hija prerogattiva tiegħek imma ma’ din id-deċiżjoni int ser jkollok iġġorr ir-responsabbiltà għat-telfien tax-xoghol ta’ dawn il-ħaddiema bil-konsegwenzi fuq il-familji tagħhom”
Ir-riżultat tal-mossa intelliġenti tas-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien, Joe Attard Kingswell, kienet li Gonzi rtira mill-pożizzjoni tiegħu u ma kien ħareġ ebda Interdett fuq il-ġurnali tal-Union.
Dawn l-avvenimenti jkun tajjeb li wieħed jibqa’ jfakkarhom ħalli żminijiet tad-dlam bħal dawn qatt ma jerġgħu jseħħu f’Malta.
Name and Shame
Wara li l-Għaqda Pensjonanti ilha għal dawn l-aħħar ġimghat għaddejja b’kampanja għal mod irresponsabbli li l-Banek qed jittrattaw lill-Pensjonanti, l-Għaqda tħoss li donnu l-awtoritajiet mhux jindunaw bil-mossi inumani tal-Banek fil-konfront tal-pensjonanti.
Huma diversi membri li qed iwasslu l-ilmenti ta’ kif qed jigu ttrattati mill-Banek. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Għaqda mhix se toqgħod lura milli tibda twassal l-ilmenti tal-membri tagħha b’kampanja ta’ Name and Shame.
Mhix aċċettabbli li pensjonanti jmorru biex isarrfu ċ-ċekk fil-fergħa tal BOV ta’ Fleur de Lys u wara li joqogħdu fil-kju jaslu biex jinqdew u jgħidulhom li hemm ma jistgħux isarrfu ċ-ċekk imma għandhom imorru fil-fergħa tal-BOV ta’ Birkirkara.
Mhix aċċettabbli li fil-fergħa tal-BOV taż-Żurrieq, pensjonanti jmorru jsarrfu ċ-ċekk tal-pensjoni li jkun anqas minn €700 u jgħidulhom li ma jistgħux isarrfuh.
Dawn huma sitwazzjonijiet inaċċettabbli. L-Għaqda Pensjonanti se tibqa’ tinsisti mal-Awtoritajiet biex jieħdu passi immedjati ħalli dal-abbuż mill-Banek fil-konfront tal-pensjonanti jieqaf. L-Għaqda se tibqa’ tinsisti fuqu anki jekk taf li f’din il-kwistjoni tibqa’ waħedha kif qiegħda llum.
L-Għaqda Pensjonanti filwaqt li tappella lill-membri tagħha jibqgħu jwasslu l-ilmenti tagħhom, tfakkar li għandu jkun hemm koperazzjoni reċiproka bejnhom bħala klijenti u l-ħaddiema. Dawn il-ħaddiema jridu jsegwu dak li jiġi deċiż mill-mexxejja tal-Banek li dwarhom qed tqum il-mistoqsija li donnhom qed jieħdu pjaċir b’dak li qed jiġri biex jaraw lill-pensjonanti u l-poplu inġenerali jbatu biex jikber it-tgergir. Min jaf?