Written by Aħbarijiet, Artikli, Ġranet Internazzjonali, Il-Union

Jum Dinji għas-Saħħa u s-Sigurtà

It-28 ta’ April hija Jum Dinji għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Din hija l-ġurnata rikonoxxuta mill-International Labour Organisation (ILO) mill-2003. Hija ġurnata internazzjonali li timpromwovi saħħa, sigurtà u xogħol diċenti.

Fil-25 ta’ Settembru, 2015 fl-aġenda 2030 in-Nazzjonijiet Uniti inkludew pjan ta’ azzjoni globali b’miri speċifiċi biex;

  • Jintemm il-faqar
  • Tiġi protetta d-dinja
  • Tiġi żgurata l-prosperità għal kulħadd

Il-GWU taħdem bla nifs biex tassigura li l-membri ħaddiema tagħha jkollhom ambjent tax-xogħol sigur. Il-GWU tagħmel dan billi tara li kulħadd qiegħed jipparteċipa b’mod attiv biex l-aċċidenti jiġu evitati;

  • Tinħoloq sistema ta’ drittijiet
  • Responsabilitajiet u dmirijiet definiti
  • Tingħata prijorità lill-prinċipju ta’ prevenzjoni

Hija responsabilità ta’ min iħaddem li jassigura saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

  • Il-kundizzjoni tax-xogħol jiġu eżaminati b’mod regolari
  • Tassigura li l-ħaddiema kollha għandhom għodod u tagħmir siguri
  • Il-ħaddiema għandhom ikollhom aċċess għar-rekords ta’ korrimenti li saru fuq il-post tax-xogħol tagħhom
  • Il-proċeduri jiġu aġġornati u kkomunikati b’mod ċar lill-impjegati kollha
  • Il-ħaddiema għandhom ikunu provduti taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà dwar ix-xogħol tagħhom
  • Min iħaddem għandu jfiehem il-perikli kollha li l-ħaddiema jistgħu jiltaqgħu magħhom
  • Il-ħaddiema għandhom ikollhom eżamijiet mediċi relatati max-xogħol tagħhom b’mod regolari

Il-ħaddiema wkoll għandhom ir-responsabiltajiet tagħhom fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tagħhom biex jiġu evitati indiċenti;

  • Jekk ix-xogħol tiegħek huwa ħdejn magni evitat milli tilbes ġojjellerija u ħwejjeġ lakxi
  • Xagħar twil jista’ faċilment jinqabad fil-magni allura l-aħjar li jinġabar
  • Għoqod attent x’tagħmel waqt ħin ix-xogħol biex ma tpoġġix lilek jew lil ta’ madwarek fil-periklu
  • Kun ċert li tingħata taħriġ komplut dwar xogħlok u tifhem sewwa l-proċessi tas-saħħa u s-sigurtà relatat max-xogħol tiegħek
  • Jekk xogħlok jirrikjedi li tuża għodda u tagħmir kun ċert li qegħdin jaħdmu sew u li taf tużhom kif suppost
  • Kun ċert li qed tilbes il-ħwejjeġ protettivi kif suppost

Victor Carachi l-President tal-GWU huwa parti mill-board tal-Occupational Health & Safety Authority (OHSA) u jisħaqq li hemm obbligi fuq min iħaddem biex iħares lill-impjegati kif suppost dwar is-saħħa u s-sigurtà però l-impjegati għandhom id-dmirijiet tagħhom ukoll. Is-saħħa u s-sigurtà hija parti importanti ħafna f’kull ftehim kollettiv li l-Union tiffirma f’kull organizzazzjoni. Kull organizzazzjoni għandu jkollha kumitat u rappreżentant tas-saħħa u s-sigurtà ħalli kull impjegat iħossu sigur fuq il-post tax-xogħol.

Jekk għandek xi diffikultà fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol issieħeb membru magħna u tkellem magħna biex ngħinuk f’kull sitwazzjoni li tiltaqa’ magħha.