Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

IL-GWU protagonista fil-kisba tal-ħelsien

L-Eks Segretarju Ġenerali, Tony Zarb, f’waħda mill-aħħar intervisti tiegħu ma’ Talk.mt.

F’waħda mill-aħħar intervisti tiegħu ma’ dan is-sit, fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju mit-twaqqif tal-General Workers Union, il-mibki Tony Zarb kien stqarr li għalih, l-iktar mument importanti għall-GWU kien meta fil-31 ta’ Marzu 1979, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU ta’ dak iż-żmien, Ġorġ Agius kien tela’ fuq l-għolja tal-Ħelsien mal-eks Prim Ministru Dom Mintoff.

“Il-Ħelsien ta’ Malta kien xi ħaġa li l-GWU ħadmet għaliha u li l-ħidma tagħha ġiet rikonoxxuta. Immaġina s-Segretarju Ġenerali tal-GWU jkun preżenti hemmhekk f’dak il-mument storiku għal pajjiżna. Barra minn hekk, il-GWU refgħet il-ħaddiema mill-faqar. Il-GWU ġġieldet mhux biss għall-ħaddiema imma għall-pensjonanti u l-familji tagħhom,” qal Zarb f’din l-istess intervista.

Tony Zarb miet bla mistenni nhar il-Ħadd li għadda fl-età ta’ 68 sena waqt li kien qed jiġi rikoverat fi sptar fil-Belġju. L-aħħar attività tiegħu fil-union meta ppreżenta emblema tal-Għaqda Pensjonanti bħala tifkira lill-Prim Ministru Robert Abela waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet. 

Zarb kien l-aktar wieħed li dam jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-GWU, bejn l-1999 u l-2015. Is-sena li għaddiet huwa kien laħaq elett fil-kariga ta’ Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU. 

Tony Zarb se jibqa’ mfakkar għall-idealiżmu tiegħu speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema. Zarb dejjem ipprietka favur is-solidarjetà u kontra l-egoiżmu fost il-ħaddiema.

Xi ħaġa oħra li baqgħet stampata f’moħħ Tony Zarb kienet fil-perjodu meta kien Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport. Huwa kien issospenda azzjoni ta’ strajk fl-Air Malta biex tarbija setgħet tiġi msiefra għall-kura barra minn Malta. Dan l-episodju tfakkar 12-il sena wara meta ġuvnott kien avviċinah u qallu li huwa kien dik it-tarbija li ntbagħtet l-Ingilterra. 

Minbarra f’dan, kien hemm ukoll il-kampanja “Issa Daqshekk!”, li permezz tagħha l-union kienet niżlet fit-toroq bi protesta kontra l-għoli tal-ħajja u s-sensji.